Saturday, December 28, 2024

Il-President Ukren f’appell lill-UE: “Uruna li mhux se tħalluna weħidna”

Aqra wkoll

“Qed niġġieldu wkoll biex inkunu membri daqskom tal-Ewropa. L-UE se tkun aktar b’saħħitha bina. Aħna urejna saħħitna x’inhi u li bħala minimu aħna daqskom u għalhekk issa uru li intom ħbieb tagħna u uru li mhux se tħalluna għal riħna. Uruna li intom tassew Ewropej u b’hekk il-ħajja tirbaħ fuq il-mewt.”

Qal dan il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy waqt li indirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew qabel id-dibattitu dwar l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Huwa beda l-indirizz tiegħu billi qal: “Għal ċerti nies, dan il-jum huwa l-aħħar wieħed. Illum se nkellimkom dwar iċ-ċittadini tiegħi li qed jiddefendu l-pajjiż billi jħallsu l-akbar prezz. Jiena kuntent ħafna li dak li rajt u smajt hawnhekk, kuntent bl-appoġġ tagħkom. Kuntent li ngħaqadna llum ilkoll kemm aħna u intom ukoll il-pajjiżi kollha tal-UE.”

Żied jgħid: “Din hija traġedja, għalija u għal kull ċittadin Ukren. Qed inħallsu prezz qares. Eluf ta’ persuni li nqatlu, żewġ revoluzzjonijiet gwerra waħda u ħamest ijiem ta’ invażjoni massiċċa tal-federazzjoni Russa.”

Il-President Ukren qal ukoll: “Din hija r-realtà tagħna. Din saret il-ħajja ta’ kuljum u llum qed nagħtu ħajjitna għall-valuri tagħna u x-xewqa li nkunu bħalkom. Qed niġġieldu bl-aħjar nies tagħna u qed nitilfuhom. L-aktar nies ta’ valur. Spiss aħna fl-Ukrajna inħobbu ngħidu li kapaċi ngħelbu kollox, u jien kuntent ħafna li qed narawha din fir-realtà wkoll u iva, se nirbħu u konvint, aħna nħobbu ngħidu, li nixtiequ nkunu parti mill-Ewropa u hekk qed nippruvaw nagħmlu.”

“Qiegħed hawn bħalissa għax hemm pawsa fl-attakki. Dalgħodu filgħodu għaddejna minn żewġ traġedji oħra, fejn żewġ missili laqtu Kharkiv, il-belt mal-fruntiera mar-Russja. Hemmhekk konna ngħixu mar-Russi aħna fi spirtu amikevoli u hija l-belt li għandha l-akbar numru ta’ universitajiet. In-nies hemmhekk kienu jiltaqgħu biex jiċċelebraw u hemmhekk tinsab l-ikbar Pjazza f’pajjiżna – il-Pjazza tal-Libertà. Timmaġinaw dalgħodu żewġ missili laqtu din il-pjazza?… u kien hemm għexieren ta’ mwiet. Dan huwa l-prezz li rridu nħallsu għal-libertà. Aħna għal artna qed niġġieldu u rridu l-libertà,” qal il-President Ukren.

Huma kompla jgħid li ħadd mhu se jkissirhom u fisser li huma b’saħħithom. 

“Aħna Ukreni. Ix-xewqa tagħna hija li naraw lil uliedna ħajjin. Ilbieraħ 16-il tifel u tifla nqatlu u l-President Putin se jgħid li din hija xi tip ta’ ħidma min-naħa tagħna. Imma x’tip ta’ militar hemm fejn qed jimmiraw ir-Russji? Qatel 16-il persuna lbieraħ. Niesna huma motivati. Qed niġġieldu għal-libertajiet tagħna u għal ħajjitna, u issa qed niġġieldu biex nibqgħu ħajjin. Din hija l-ikbar motivazzjoni tagħna.”

Fil-ftuħ tad-dibattitu, f’isem il-Parlament Ewropew il-President tal-PE Roberta Metsola kkundannat l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna bl-iktar termini qawwijin u esprimiet is-solidarjetà tagħha ma’ dawk li qed isofru u dawk li diġà mietu.

“Nilqgħu l-applikazzjoni tal-Ukrajna bħala status ta’ kandidat u se naħdmu għal dak il-għan,” qalet il-President tal-PE Roberta Metsola.

Żiedet tgħid: “Qatt ma nistgħu iżjed inbiegħu passaporti lill-ħbieb ta’ Putin u nagħmluha possibbli għalihom li jduru mas-sigurtà tagħna.”

Ekonomija

Sport