Friday, December 13, 2024

Il-President Ukren jgħid li l-Ukrajna mhix se tinsa u mhix se taħfer

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li kull min wettaq attroċità kontra nies ċivili Ukreni se jkun ikkastigat. Huwa qal li l-Ukreni mhux se jinsew u mhux se jaħfru, filwaqt li akkuża lit-truppi Russi bi qtil deliberat. Zelensky kellu kliem iebes ħafna meta tkellem dwar dan u lil dawk li wettqu attroċitajiet qalilhom li “mhu se jkun hemm l-ebda post kwiet fid-dinja għalikom ħlief il-qabar.”

L-Uffiċjali Ukreni qed jgħidu li r-Russja qiegħda twettaq attakki fuq żoni ċivili madwar il-pajjiż kollu fost­hom sptarijiet u skejjel. Min-naħa tagħha r-Russja ċaħdet li hija qiegħda twettaq dan u saħqet li hija qiegħda twettaq “operazzjoni militari speċjali” kontra Ukreni “nazzjonalisti u neo-Nażisti”.

Id-Deputat Prim Ministru Ukren Olha Stefanishyna meta kien qiegħed jitkellem ma’ BBC qal li wara “r-reżistenza qawwija” li kien hemm mill-armata Ukrena, issa r-Russja bdiet “operazzjoni enormi” kontra n-nies ċivili.

Għadd ta’ bliet Ukreni rrapportaw li kien hemm persuni ċivili li tilfu ħajjithom minħabba l-bumbardamenti Russi u f’dawn il-bliet numru ta’ persuni qegħdin isofru minn nuqqas ta’ ilma, provvista elettrika u sanità.

Apparti hekk, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa wkoll qalet li l-faċilitajiet tagħha qed jiġu attakkati u d-direttur ġenerali Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li fl-attakki kien hemm numru ta’ mwiet u ferimenti. Min-naħa tiegħu l-Gvern Ingliż ukoll akkuża lir-Russja b’attakki fuq żoni popolati u qal li dawn kienu attakki simili għal dawk li kienu seħħew fiċ-Chechnya fl-1999 u fis-Sirja fl-2016.

Ekonomija

Sport