Il-presidenti reġjonali tal-FA Spanjola talbu lill-president, Luis Rubiales, biex jirriżenja mill-kariga tiegħu wara s-saga tal-bewsa li ta lil Jenni Hermoso waqt il-preżentazzjoni tal-midalji wara li Spanja rebħu t-Tazza tad-Dinja tan-Nisa meta fil-finali għelbu lill-Ingilterra bl-iskor ta’ 1-0.
Rubiales, 46 sena, ġie kkritikat bil-qawwa kollha wara dan l-inċident, aktar u aktar meta Hermoso nnifisha sostniet li l-famuża bewsa fuq xufftejha ma kinetx kunsenswali.
Fil-jiem li għaddew, il-prosekuturi Spanjoli fetħu investigazzjoni preliminari dwar jekk l-inċident jammontax għal reat ta’ attakk sesswali.
Fi żviluppi oħra nhar it-Tnejn li għadda, omm Rubiales, Angeles Bejar, issakkret fi knisja Spanjola u għamlet strajk tal-ġuħ bi protesta għat-trattament ta’ binha.
Filgħaxija, mijiet ta’ nies inġabru fiċ-ċentru ta’ Madrid fi protesti msejħa minn gruppi femministi b’appoġġ għal Hermoso u kontra Rubiales.
Nhar is-Sibt li għadda, Rubiales ġie sospiż mill-FIFA, eżatt jum wara li kien insista li ma kienx se jirriżenja u sostna li l-bewsa kienet “reċiproka u kunsenswali”.
“Wara l-avvenimenti riċenti u l-imġieba inaċċettabbli li għamlet ħsara serja lill-immaġni tal-football Spanjol, il-presidenti tal-clubs talbu biex Luis Rubiales jirriżenja immedjatament minn president tal-RFEF,” qalet l-FA Spanjola fi stqarrija wara laqgħa straordinarja mal-presidenti reġjonali.
Il-presidenti taw ukoll “l-appoġġ unanimu” tagħhom lill-president interim tal-FA SpanjolA, Pedro Rocha, u talbu għal reviżjoni tat-tmexxija tal-federazzjoni.
“Se nħeġġu lill-awtoritajiet rilevanti biex iwettqu ristrutturar organizzattiv profond u imminenti f’pożizzjonijiet strateġiċi tal-federazzjoni sabiex tinħoloq pożizzjoni għal stadju ġdid fit-tmexxija tal-football Spanjol,” żiedet tgħid l-istqarrija.
Meta nhar is-Sibt il-FIFA ħabbret li Rubiales kien ġie sospiż, huwa ġie ordnat flimkien mal-RFEF, l-uffiċjali u lill-impjegati tagħha biex ma jippruvawx jikkuntattjaw lil Hermoso, meta sa dak il-ħin l-FA Spanjola kienet heddet li tiftaħ azzjoni legali kontra l-player Spanjola.
Intant, tard nhar it-Tnejn filgħaxija, iltaqa’ wkoll it-Tribunal tal-Isport ta’ Spanja (TAD) biex jiddiskuti t-talba tal-gvern Spanjol biex jissospendi lil Rubiales, bid-deċiżjoni għadha trid titħabbar.
Kif żvolġew s’issa l-avvenimenti ta’ din il-kwistjoni:
20 ta’ Awwissu – Waqt iċ-ċerimonja ta’ wara l-finali tat-Tazza tad-Dinja, l-attakkanta Spanjola, Jenni Hermoso, l-ewwel ġiet mgħannqa u mbagħad ingħatat bewsa fuq xufftejha minn Luis Rubiales. Iktar tard Hermoso għamlet reazzjoni għall-bewsa waqt xandira diretta u qalet li “ma ħadtx pjaċir”.
21 ta’ Awwissu – Rubiales għamel apoloġija pubblika u stqarr li huwa “jiddispjaċih ħafna għal dawk li kienu offiżi bl-imġieba tiegħu” wara li ġie kkritikat bil-qawwa kollha minn players oħra, mill-midja u anke mill-Prim Ministru Spanjol, li wħud minnhom talbu lil Rubiales biex jirriżenja.
24 ta’ Awwissu– Il-korp governattiv tal-football dinji, il-FIFA, fetħet proċeduri dixxiplinarji biex teżamina l-azzjonijiet ta’ Rubiales.
25 ta’ Awwissu – Rubiales baqa’ jinsisti f’laqgħa ta’ emerġenza tal-RFEF li ma kienx se jirriżenja, u jsejjaħ il-bewsa “konsenswali”.
Il-gvern Spanjol qal li kien qed jibda proċeduri legali biex jissospendi lil Rubiales, bis-segretarju Spanjol tal-Isport jgħid li “dan il-mument huwa kruċjali għall-football Spanjol.”
Aktar tard dak in-nhar, Hermoso ħarġet stqarrija fuq Instagram fejn ċaħdet it-talbiet ta’ Rubiales, u sostniet li “fl-ebda ħin … il-bewsa tagħha qatt ma kienet kunsenswali”.
81 players Spanjoli – inklużi t-23 li kienu fl-iskwadra għat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa – ħabbru li ma kienux se jilagħbu mat-team nazzjonali sakemm Rubiales jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu.
26 ta’ Awwissu – L-FA Spanjola tenniet li kienet se tiegħu azzjoni legali dwar “kull rapport falz li jiġi ppubblikat.”
Il-FIFA ħabbret li ssospendiet lil Rubiales b’mod temporanju sakemm jinħareġ ir-riżultat tal-proċeduri dixxiplinarji tagħha.
Il-coach ewlieni rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja, Jorge Vilda, ikkritika lil Rubiales, filwaqt li l-istaff tekniku tiegħu rriżenja bi protesta kontra l-president tal-federazzjoni.
27 ta’ Awwissu – Id-delegat tal-Federazzjoni għall-protokoll ta’ vjolenza sesswali kkonferma li għaddejja investigazzjoni interna dwar l-avvenimenti.
28 ta’ Awwissu– Omm Rubiales bdiet strajk tal-ġuħ fi knisja, f’belt twelidu ta’ Motril.
Il-prosekuturi Spanjoli feħtu investigazzjoni preliminari biex jaraw jekk l-inċident jammontax għal reat ta’ attakk sesswali.
29 ta’ Awwissu – Il-FIFA heddet li tissospendi lil Rubiales għal 25 sena f’dak li qed jitqies bħala attakk sesswali fuq waħda mill-players tat-team nazzjonali.