Sunday, December 22, 2024

Il-Presidenti ta’ Malta u tal-Estonja jikkonfermaw ir-relazzjonijiet bilaterali tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi

Aqra wkoll

L-impenji tal-President George Vella fl-Estonja bdew b’taħditiet uffiċjali mal-President tal-Estonja Alar Karis fl-Uffiċċju tal-President f’Kadriorg, Tallinn.

Il-President Vella u l-President Karis ikkonfermaw ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Estonja li nibtu 30 sena ilu. F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-laqgħa, il-President Vella stqarr li r-relazzjonijiet komplew jissaħħu bis-sħubija taż-żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fl-2004. Qal li l-preżenza tiegħu f’Tallinn u l-laqgħa tiegħu mal-President Karis huma xhieda tal-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet f’oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bħalma huma l-edukazzjoni u l-kultura.

Matul il-laqgħa, il-presidenti ddiskutew fid-dettall il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt tagħha fuq l-Estonja u fuq l-istabbiltà globali. Waqt li tenna l-kundanna tiegħu għall-azzjoni militari u l-aggressjoni fl-Ukrajna, il-President Vella rrimarka, fost oħrajn, l-effett negattiv tal-gwerra fuq il-kummerċ internazzjonali, is-sorsi tal-enerġija, kif ukoll in-nuqqas ta’ ikel.

Il-President Vella tkellem ukoll fuq l-iżviluppi fir-reġjun tal-Mediterran, l-immigrazzjoni, u b’mod partikolari l-instabbiltà li għadha tippersisti fil-Libja. “Il-komunità internazzjonali m’għandhiex tniżżel dawn il-kwistjonijiet għal livell sekondarju ta’ urġenza, u ma tirreaġixxix fi żmien ta’ kriżi”, wissa l-president.

Min-naħa tiegħu, il-President Karis qal li Malta hija sieħeb importanti għall-Estonja fir-reġjun tal-Mediterran. Stqarr li l-Estonja tifhem kompletament il-kumplessità tal-kriżi tal-immigrazzjoni.

Il-President Vella u l-President Karis iddiskutew kwistjonijiet marbuta mal-Unjoni Ewropea u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u t-Tkabbir tagħha, kif ukoll l-importanza li ċ-ċittadin jibqa’ fil-qalba ta’ dan il-proċess. Matul il-laqgħa, il-President Vella aġġorna lill-President Karis dwar l-aħħar tħejjijiet għal-laqgħa tal-Presidenti Mhux Eżekuttivi tal-UE – magħrufa bħala l-Arraiolos Group, li se ssir f’Malta fis-6 ta’ Ottubru li ġej.

Il-President Vella kellu laqgħat separati mal-Prim Ministru tal-Estonja Kaja Kallas u mal-President ta’ Riigikogu Jüri Ratas. Il-President Vella poġġa wkoll bukkett fjuri fuq il-monument li jfakkar il-Vittmi tal-Komuniżmu.

Ekonomija

Sport