Sunday, August 10, 2025

Il-pressjoni internazzjonali hi l-uniku soluzzjoni għal Gaża

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kompliet għaddejja l-persekuzzjoni kontra l-poplu Palestinjan, li mhux biss jinsab attakkat imma mifni ukoll mill-ġuħ. Proprju fl-aħħar sigħat ġiet żvelata parti oħra mill-pjan Iżraeljan għal Gaża. Pjan li hu magħruf, imma li qiegħed jitwettaq bil-mod il-mod. Proprju fl-aħħar sigħat smajna kif il-Kabinett tas-Sigurtà Iżraeljan approva pjan biex jieħu f’idu lill-medda ta’ Gaża. 

Kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li ħabbar dan.  Ġie dikjarat li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li maġġoranza tal-Ministri tal-Kabinett jemmnu li l-pjan alternattiv ippreżentat lill-Kabinett ma kienx iwassal għal rebħa kontra l-Ħamas, u il-ħelsien tal-ostaġġi. 

Kif mistenni din l-aħbar qajmet kontroversja. Minn kull parti tad-dinja twasslu kundanni għal dan il-pjan. Ma naqsux protesti. In-Nazzjonijiet Magħquda, wissiet li din il-mossa qed tirriskja konsegwenzi mill-aktar serji li hi sejħitilhomi sejħet katastrofiċi.

Fl-aħħar jiem,  id-dinja xxukkjat ruħha b’filmati ġodda maħruġin mill-Hamas. Dawn kien juru żewġ ostaġġi Iżraeljani, Evyatar David u Rom Braslavski. Dawn kien inħatfu fis-7 ta’ Ottubru tas-sena 2023. Huma ilhom miżmumin ostaġġi minn dakinhar f’labirint ta’ mini li l-Ħamas bnew biex jipproteġu lilhom infushom mill-bumbardamenti. 

Il-filmat juri messaġġ ċar ħafna. Juri li l-Gvern Iżraeljan ma jistax jikseb ir-riżultat imfittex mill-koalizzjoni fil-gvern f’Iżrael, jiġifieri l-qerda totali u definittiva tal-Ħamas. Riżultat bħal dan jista’ jintlaħaq biss billi jinfetaħ proċess politiku li ma jagħmilx leġittimu  l-estremiżmu tal-Ħamas u l-fanatiżmu  ta’ Iżrael b’mod partikolari quddiem il-pjani jew kontemplazzjoni ta’ tindif etniku f’Gaża.

Xhieda ċara ta’ kemm hu diffiċli li Iżrael, immexxi minn Netanyahu ibiddel ir-rotta, hu l-pass li ħadu 500 eks uffiċjal għoli tas-sigurtà Iżraeljan. Dawn ħarġu stqarrija intitolata “Waqqfu l-gwerra f’Gaża!” U argumentaw li l-għanijiet ewlenin tal-gwerra ta’ Iżrael diġà ntlaħqu u li l-aħħar objettiv li fadal, li hu l-ħelsien tal-ostaġġi li għadhom miżmumin jista’ “jinkiseb biss permezz ta’ ftehim.”

Minkejja dan il-Gvrn ta’ Netanyahu baqa’ jżomm iebes. Quddiem dan illum, hi ċara aktar minn qatt qabel li hi l-pressjoni internazzjonali biss li tista’ twassal biex ittemm il-kunflitt.  Hu biss bi pressjoni internazzjonali minn madwar id-dinja kollha li tista twaqqaf dan il-kunflitt.  Pressjoni li ma tfissirx biss li wieħed jinżel fit-toroq u jipprotesta u juri li ma taqbilx. Imma din il-pressjoni tfisser li l-Istati jieħdu l-miżuri li hemm bżonn kontra Iżrael inkluż dawk kummerċjali u diplomatiċi. Ifisser li l-Istati jieqfu jkunu indifferenti lejn dan il-kunflitt. Ifisser li l-Istati jieqfu jdawwru wiċċhom banda oħra. Ifisser li ma jibqgħux siekta. Hu biss b’dan il-mod li dan il-kunflitt jista’ jitwaqqaf.

Il-mobilizzazzjoni internazzjonali hija l-uniku mod biex Netanyahu jiġi mġiegħel jibdel ir-rotta u tirrenja l-paċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport