Tuesday, December 24, 2024

“Il-preżent li ninsabu fih hu msawwar minn passat mimli sagrifiċċji u l-futur jiddependi min dak li nagħmlu b’mod kollettiv”

- Messaġġ mill-President ta’ Malta għall-Milied u s-Sena l-Ġdida

Aqra wkoll

“Nistgħu nirriflettu u nħarsu lura għal dak li għaddejna minnu bħala Stat tul din l-aħħar sena, u wkoll naraw kif dejjem nistgħu nagħmlu lil pajjiżna aħjar. Din is-sena, Malta fakkret anniversarji importanti ħafna fl-istorja tagħha; fakkarna s-60 sena mill-Indipendenza, 50 sena mir-Repubblika u 20 sena mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Dawn l-avvenimenti importanti servew biex ilkoll nirriflettu dwar il-ġrajjiet storiċi li sawruna. Nittama li din ir-riflessjoni għenitna nagħrfu l-fatt li l-preżent li ninsabu fih issawwar minn passat mimli sagrifiċċji, u kif il-futur jiddependi min dak li nagħmlu, b’mod kollettiv, aħna lkoll”

Iddikjarat dan il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono hekk kif għall-ewwel darba għaddiet l-awguri tiegħu fost l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. 

Il-President irrimarkat li fuq skala internazzjonali, għal darb’oħra, minkejja ċ-ċokon tagħha, pajjiżna kien il-punt ta’ referenza u li f’din l-aħħar sena, Malta kienet fiċ-ċentru tal-ħidma multilaterali permezz tas-sehem tagħha bħala membru mhux permanenti fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll bħala ċ-Chair-In-Office tal-Organizzazzjoni ta’ Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE. 

Qalet ukoll; “Il-ħidma ta’ Malta f’fora internazzjonali tirrifletti l-motivazzjoni ta’ pajjiżna li minkejja ċ-ċokon tiegħu, jibqa’ jibni l-politika barranija tiegħu fuq il-pilastri strateġiċi tal-paċi, sigurtà u prosperità fost il-ġnus kollha. Dan sar aktar pertinenti llum fejn qed ngħixu bieb u għatba ’l bogħod minn żewġ kunflitti, bil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u bil-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Kuljum naraw eluf ta’ ċittadini innoċenti, inkluż tfal, li jiġu maqtula jew midruba minħabba l-qirda tal-gwerra”.

Enfasizzat li  Malta kienet, għadha u tibqa’ fuq quddiem nett biex tippromwovi l-paċi u d-djalogu li jwassal għall-kompromess biex jintemmu dawn l-atroċitajiet. Irrimarkat ukoll kif pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-istatistika Ewropea fejn jidħol xogħol u tnaqqis fil-qgħad. Issemma’ wkoll il-fatt li Malta żammet postha bħala l-aktar pajjiż Ewropew li jippromwovi dawn id-drittijiet.

Bħal kull sena oħra, din l-aħħar sena kienet waħda mimlija opportunitajiet u sfidi għal pajjiżna

Dwar dan, Spiteri Debono qalet li l-isfidi huma parti miċ-ċiklu naturali ta’ pajjiż li, kulma jmur, qiegħed dejjem ifittex li jkompli javvanza; l-importanti huwa li nkunu dejjem konxji biex nidentifikaw dawn l-isfidi, u flimkien infittxu dawk it-toroq li jwassluna għas-soluzzjonijiet tagħhom.

Qalet kif fl-aħħar sena wkoll, il-poplu ra kif fis-soċjetà baqgħu jinbtu problemi soċjali u sfidi relatati ma’ faxex differenti ta’ nies. Spejgat li l-faqar materjali f’pajjiżna huwa preżenti, minkejja li ħafna drabi mhux daqstant evidenti. Minkejja li mxejna ’l quddiem b’ritmu mgħaġġel ugħandna soċjetà affluwenti, xorta waħda jibqa’ individwi u familji li jkollhom bżonn sostenn u l-għajnuna.

Qalet ukoll li n-nies dejjem jibqgħu jiffaċċjaw problemi li jinħolqu minn pressjonijiet soċjali, minn nuqqas ta’ finanzi adegwati; ikun hemm ukoll problemi ta’ saħħa fiżika, problemi ta’ saħħa mentali, u fuq kollox sitwazzjonijiet li jpoġġu lil dak li jkun f’diffikultajiet kbar.

Temmen li bħala poplu, kif dejjem għamel, b’dedikazzjoni u determinazzjoni, kapaċi jingħaqad u jaffaċċja dawn l-isfidi b’mod effettiv, u bl-għaqda bejnietu għandu jasal. F’dan ir-rigward żiedet tgħid; “Min imexxi għandu jikkunsidra l-fatturi kollha tal-effetti tal-progress fuq il-pajjiż, iżda, aħna lkoll, iċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin, għandna nagħrfu li lkoll kemm aħna fid-dmir li l-parti tagħna nagħmluha, li l-ġurnata tax-xogħol nagħtuha, li jkun jimpurtana minn dak li qed jiġri madwarna u miċ-ċittadini sħabna, partikolarment, minn min ikun għaddej minn bżonnijiet u jkun qiegħed fid-diffikultà”

Qabel għalqet l-messaġġ tal-awgurju, xtaqet tirringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, tal-mod ta’ kif laqawha bħala l-Kap tal-Istat ta’ pajjiżna. Żiedet tgħid; “Inġedded magħkom il-wegħda li b’umiltà, nagħmel ħilti kollha biex minn dan l-irwol inkun ta’ servizz għal Malta tagħna, u l-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ta’ tama u kuraġġ; ix-xewqat sbieħ, l-altruwiżmu u s-solidarjetà huma marbuta ma’ dawn iż-żminijiet festivi. Inħeġġeġ li jiġu estiżi għat-tul tas-sena kollha”

Temmet tgħid “Nagħlaq billi f’ismi u f’isem żewġi nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom, Milied Hieni u Sena Ġdida mimlija hena, sliem u fuq kollox saħħa”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport