Monday, September 1, 2025

IL-PREZZ LI QEGĦDIN IĦALLSU L-ĠURNALISTI F’GAŻA: ĦAJJITHOM

Aqra wkoll

Il-ġurnalist huwa xhud. Huwa l-għajn tal-poplu, il-vuċi li tgħid dak li ħafna jippruvaw jaħbu. Iżda f’Gaża, din il-vuċi qiegħda tiġi msikkta b’mod brutali: bil-ħajja tagħhom stess.

Skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ), sa Lulju 2025 inqatlu aktar minn 186 ġurnalist u ħaddiema tal-midja fil-Gwerra ta’ Iżrael f’Gaża. Hemm stħarriġ oħra, inkluż minn uffiċini f’Gaża u mill-ONU, li jindikaw li n-numru tal-vittmi laħaq madwar 192 sal-10 ta’ Awissu 2025. Skont għaqdiet oħra l-ammont saħansitra jitla’ għal 217.

Meta l-verità ssir mira… 

Il-ġurnalisti mhumiex suldati. Huma ħaddiema tal-kelma u tar-ritratt, imbuttati minn passjoni li jirrakkuntaw x’qiegħed jiġri fil-frontlines. Iżda llum, kull storja li jirrakkontaw iġġorr magħha theddida li tista’ tispiċċa bil-mewt.

Meta dawn il-ġurnalisti jiġu maqtula, il-poplu jibqa’ fid-dlam dwar dak li qiegħed jiġri. L-għan ta’ dawk li jwettqu attakki fuqhom huwa ċar: meta jinqatel ġurnalist, jinqatel l-aċċess għall-verità.

Għalhekk illum, il-paġna ta’ quddiem sewda hija simbolu ta’ rispett iżda wkoll ta’ protesta. Tifkira li l-verità mhiex xi ħaġa garantita. Il-verità trid tiġi mħarsa u għal din il-verità hemm min iħallas b’ħajtu.

Tislima lill-ġurnalisti li nqatlu…

• Issam Abdallah, videographer ta’ Reuters, maqtul waqt li kien jirrapporta mill-Libanu.

• Hamza Al Dahdouh, ta’ 27 sena, assistent cameraman ta’ Al Jazeera, iben il-korrispondent magħruf Wael Al Dahdouh.

• Mustafa Thuraya, freelance, maqtul flimkien ma’ Hamza waqt attakk fuq karozza.

• Ismail Al Ghoul, korrispondent ta’ Al Jazeera Arabic, ta’ 27 sena, inqatel f’attakk bi drone fuq kamp tar-refuġjati Al-Shati f’Lulju 2024.

• Rami Al Refee, kollega ta’ Al Ghoul, ukoll vittma ta’ attakki fil-Gaża.

• Ayman Al Gedi, reporter fuq il-post, maqtul waqt kopertura ta’ bombardament.

• Fadi Hassouna, ta’ 22 sena, intilef ħajtu f’attakk fuq ix-xatt tal-Gaza.

• Faisal Abu Al Qumsan, ta’ 27 sena, wieħed mill-aktar korrispondenti żgħażagħ.

• Mohammed Al-Ladah, ta’ 23 sena, maqtul waqt li kien qed jirrapporta mill-post tal-attakki.

• Ibrahim Sheikh Ali, ta’ 38 sena, ġurnalist veteran magħruf fil-midja lokali.

• Mohammed Reda, Ghassan Najjar, u Wissam Kassem, kollha msemmija minn CPJ fost il-ħaddiema tal-midja li sfaw maqtula f’Gaza u fil-Libanu.

• Hossam Shabat, ta’ 23 sena, reporter għal Al Jazeera Mubasher, inqatel f’Marzu 2025 f’attakk qrib Beit Lahia.

• Hilmi al-Faqaawi u Ahmed Mansour, ukoll imfakkra fost il-vittmi.

Kull wieħed minn dawn l-ismijiet jirrappreżenta aktar minn statistika. Dawn huma stejjer ta’ ħajjiet, ta’ passjoni u ta’ kuraġġ. Meta niftakru fihom, niftakru wkoll fil-verità li kienu determinati li jħarsu u li jwasslulna. Hawnhekk jidħol il-pubbliku fejn il-mistoqsija hija: se nħallu din il-verità tinqatel magħhom, jew se nagħmlu pressjoni biex tiġi mħarsa?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport