Il-prezz tad-deheb tela’ ’l fuq minn 5,000 dollaru Amerikan (£3,659) kull uqija għall-ewwel darba, u estenda żieda storika li rat il-prezz jiżdied b’aktar minn 60% fl-2025. Dan ġara filwaqt li t-tensjonijiet bejn l-Istati Uniti u n-NATO dwar il-Greenland żiedu mat-tħassib dejjem jikber dwar l-inċertezza finanzjarja u ġeopolitika.
Il-politiki kummerċjali tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump inkwetaw ukoll lis-swieq. Nhar is-Sibt Trump hedded li jimponi tariffa ta’ 100% fuq il-Kanada jekk tagħmel ftehim kummerċjali maċ-Ċina.
Id-deheb u metalli prezzjużi oħra huma meqjusa bħala l-hekk imsejħa assi sikuri li l-investituri jixtru fi żminijiet ta’ inċertezza. Nhar il-Ġmgħa, il-prezz tal-fidda qabeż il-100 dollaru kull uqija għall-ewwel darba u kompla fuq iż-żieda ta’ kważi 150% s-sena l-oħra.
Id-domanda għall-metalli prezzjużi kienet imbuttata wkoll minn firxa ta’ fatturi oħra inkluż inflazzjoni ogħla mis-soltu, dollaru Amerikan dgħajjef, xiri minn banek ċentrali madwar id-dinja u l-istennija li l-Bank Ċntrali tal-Istati Uniti jnaqqas ir-rati tal-imgħax mill-ġdid din is-sena.
Gwerer fl-Ukrajna u f’Gaża, kif ukoll il-ħtif tal-President Venezwelan Nicolás Maduro minn Washington, għenu wkoll biex il-prezz tad-deheb jogħla.
Wieħed mill-akbar attrazzjonijiet tad-deheb huwa l-iskarsezza relattiva tiegħu. Madwar 216,265 tunnellata ta dan il-metall prezzjuż qatt ġew estratti, skont l-assoċjazzjoni kummerċjali tal-Kunsill Dinji tad-Deheb.
Dak biżżejjed biex jimla bejn tlieta u erba’ pixxini ta’ daqs Olimpiku. Il-maġġoranza ta’ dan ġie estratt mid-dinja biss mill-1950 ’l hawn, hekk kif it-teknoloġija tal-minjieri avvanzat u ġew skoperti depożiti ġodda.
L-Istħarriġ Ġoloġiku tal-Istati Uniti jistma li 64,000 tunnellata oħra ta’ deheb għadhom jistgħu jiġu estratti minn riżervi taħt l-art, għalkemm il-provvista tal-metall hija mbassra li tibqa’ stabbli fis-snin li ġejjin. Id-deheb ra sena ta’ suċċess kbir fl-2025, bl-akbar qligħ annwali tiegħu mill-1979.
Bis-swieq finanzjarji mbeżżgħin minn tħassib inkluż it-tariffi ta’ Trump u filwaqt li t-tħassib ekonomiku jista’ jgħin biex il-prezz tad-deheb jogħla, dan għandu t-tendenza li jiżdied ukoll meta l-investituri jistennew li r-rati tal-imgħax jitnaqqsu.
Rati aktar baxxi tipikament ifissru qligħ iżgħar għal investimenti bħal bonds, għalhekk l-investituri jħarsu lejn assi bħad-deheb u l-fidda.

