Il-prezzijiet taż-żejt reġgħu telgħu għal aktar minn $100-il barmil hekk kif is-swieq tal-enerġija reġgħu fetħu fl-Asja nhar it-Tnejn, wara li t-taħditiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran spiċċaw mingħajr ftehim u l-President Donald Trump ħabbar li l-qawwa navali Amerikana se timblokka l-Istrett ta’ Hormuz.
Iż-żejt Brent żdied b’7.3% għal $102.30 filwaqt li West Texas Intermidiate kien 8.7% ogħla għal $104.94. Il-falliment fin-negozjati fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet qajjem tħassib li l-kriżi globali tal-enerġija se tkompli tiddeterjora.
Il-prezz taż-żejt kien niżel sew taħt il-$100 nhar l-Erbgħa li għadda wara li Washington u Tehran qablu fuq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied għal ġimagħtejn, bil-kundizzjoni li jinkludi l-ftuħ tal-passaġġ kummerċjali importanti tal-Istrett ta’ Hormuz.
Dan l-istrett, li minnu jgħaddi madwar 20% tal-kunsinni tal-enerġija fid-dinja, sar punt ewlieni ta’ tensjoni fil-gwerra tal-Iran wara li Tehran wieġbet għall-attakki tal-Istati Uniti u Iżrael billi heddet li tattakka bastimenti li jippruvaw jużawh.
Il-kunsinni ilhom fil-biċċa l-kbira mwaqqfa minn meta beda l-kunflitt fit-28 ta’ Frar, għalkemm xi pajjiżi bħall-Indja u l-Malasja nnegozjaw passaġġ sigur għall-bastimenti tagħhom. Dan it-tfixkil wassal biex il-prezzijiet tal-enerġija jiżdiedu madwar id-dinja.

