Monday, March 2, 2026

Il-prezzijiet taż-żejt jogħlew u l-ishma jonqsu hekk kif il-kunflitt jeskala

Aqra wkoll

Il-prezzijiet globali taż-żejt żdiedu hekk kif l-Iran kompla jniedi aktar attakki madwar il-Lvant Nofsani b’reazzjoni għall-attakki kontinwi li huma mmirati fuqu mill-Istati Uniti u l-Iżrael.

Iż-żejt mhux raffinat Brent, il-punt ta’ riferenza globali għall-prezzijiet globali taż-żejt, nhar it-Tnejn żdied b’10% biex laħaq aktar minn $82 kull barmil wara li mill-inqas tliet vapuri ġew attakkati ħdejn l-Istrett ta’ Hormuz fi tmiem il-ġimgħa. Il-prezzijiet tal-gass naturali żdiedu wkoll b’sa 25%.

Wara ż-żieda inizjali, iż-żejt mhux raffinat Brent niżel lura għal $79 kull barmil filwaqt li ż-żejt innegozjat fl-Istati Uniti żdied b’madwar 7.6% għal $72.20.

Iżda xi analisti wissew li jista’ jaqbeż il-$100 f’każ li l-kunflitt jieħu fit-tul li jista’ jkollu effett negattiv fuq l-inflazzjoni u r-rati tal-imgħax.

Skont l-analisti, fil-mument, il-prezzijiet taż-żejt mhumiex partikolarment għoljin, għadhom taħt li kienu saħansitra sentejn ilu u għalhekk għadna m’aħniex fil-modalità ta’ kriżi sħiħa taż-żejt.

Nhar il-Ħadd, nazzjonijiet tal-OPEC+ produtturi taż-żejt qablu li jżidu l-produzzjoni tagħhom b’206,000 barmil kuljum biex jgħinu jtaffu kwalunkwe żieda fil-prezzijiet, iżda xi esperti jiddubitaw kemm dan jista jkun ta’ għajnuna kbira.

L-Iran wissa lill-bastimenti biex ma jgħaddux mill-Istrett ta Hormuz fin-nofsinhar tal-pajjiż, li hu kruċjali għat-trasport taż-żejt internazzjonali għax minnu jgħaddu madwar 20% taż-żejt u l-gass tad-dinja.

It-tbaħħir internazzjonali kważi waqaf fid-daħla tal-Istrett ta’ Hormuz, bl-analisti jwissu li kunflitt fit-tul jista’ jgħolli l-prezzijiet tal-enerġija saħansitra aktar.

Iċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Kummerċ Marittimu tar-Renju Unit (UKMTO) qal li żewġ bastimenti ntlaqtu, u “missila mhux magħrufa” ġiet rrappurtata li splodiet fil-viċinanza ħafna tat-tielet bastimkent.

L-ishma wkoll intlaqtu tant li l-indiċi tas-suq tal-ishma FTSE 100 f’Londra, fetaħ kważi 1% ‘l isfel bl-ishma fil-linji tal-ajru jaqgħu wara li l-ispazji tal-ajru ngħalqu madwar il-Lvant Nofsani kollu.

Is-swieq ewlenin tal-ishma fl-Ewropa sofrew tnaqqis akbar. Fi Franza, is-CAC-40 niżel b’1.6% filwaqt li d-Dax tal-Ġermanja niżel b’1.7%.

Sadanittant, il-prezz tad-deheb, li huwa meqjus bħala assi sikur matul perjodi ta’ inċertezza, żied 2.3% għal 5,395.99 dollari l-uqija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport