“Il-każ riċenti fejn allegatament instabu annimali perikolużi f’kundizzjonijiet mhux adegwati huwa ta’ tħassib – personalment u f’isem il-Gvern nikkundanna bl-akbar saħħa kull tip ta’ moħqrija tal-annimali.”
Qalet dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’kitba fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook.
Hija saħqet li qiegħda tikkummenta issa wara li ġew stabbiliti aktar fatti u dan filwaqt li bl-ebda mod ma trid tippreġudika l-investigazzjoni li għaddejja.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-uffiċjali tal-Ministeru għandhom l-għodod regolatorji kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jinvestigaw u fejn meħtieġ jipproċessaw każijiet ta’ moħqrija tal-annimali.
Hija fakkret li ż-żamma u t-trasferiment ta’ annimali perikolużi lejn u f’Malta, huwa strettament regolat anke bit-tisħiħ tal-liġijiet li l-Gvern għamel riċentament f’Ottubru tal-2024.
“Dawn ir-regolamenti jipprojbixxu l-introduzzjoni ta’ kwalunkwè annimal perikoluż ġdid f’pajjiżna – sakemm mhux għal skop ta’ riċerka jew programm ta’ konservazzjoni ta’ speċi tal-annimali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Tenniet li l-Gvern jinsab determinat li jara li l-perkors investigattiv, regolatorju u dak ta’ infurzar ikunu disponibbli dejjem u f’kull ċirkostanza dwar moħqrija tal-annimali.
“Il-prijorità f’dan il-mument għal dan il-każ speċifiku huwa li jiġi żgurat l-benesseri tal-annimali misjuba permezz ta’ attenzjoni u għajnuna veterinarja, filwaqt li jinstab post adegwat fejn jistgħu jiġu rilokati l-annimali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said li rringrazzjat ukoll lill-uffiċjali kollha tal-ħidma tagħhom.