Ilbieraħ waranofsinhar reġa’ feraħ mill-ġdid il-Parlament ta’ Malta wara l-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, u fl-ewwel seduta l-Prim MInistru Robert Abela għamel stqarrija Ministerjali dwar is-Summit tal-Kunsill Ewropew, li seħħ f’Diċembru li għadda.
Il-Prim Ministru Abela tenna fil-Parlament li l-prijorità ta’ pajjiżna hi l-paċi waqt li reġa’ sostna li Malta f’kull ċirkostanza tibqa’ newtrali.
Dr Abela qal li t-tema ewlenija fis-summit tal-Kunsill Ewropew kienet il-gwerra fl-Ukrajna, fejn matulu kellu jieħu waħda mill-aktar deċiżjonijiet diffiċli li qatt ħa f’dan is-summit mal-mexxejja Ewropej.
Spjega kif il-Kummissjoni Ewropea ħarġet bi proposta li jinħoloq mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea tissellef flus li ġew iġġenerati minn assi Russi, li bħalissa huma sanzjonati, u qed jinżammu ġewwa l-Unjoni Ewropea biex imbagħad tkun tista’ ssellifhom lill-Ukrajna.
Dr Abela qal fil-Parlament li dwar dan il-mekkaniżmu kien hemm implikazzjonijiet serji u kellu diskussjonijiet ma’ mexxejja oħra dwar dan.
Stqarr kif qabel ma beda dan is-summit pajjiżna ngħaqad mal-Belġju, l-Italja u l-Bulgarija b’dikjarazzjoni kontra dan il-mekkaniżmu.
“Konna favur, u li nerġa’ nkun ċar, l-għajnuna, imma mhux favur dak it-tip ta’ strument u ngħid li bħala pajjiż konna strumentali bil-pożizzjoni li ħadna, li ċertament m’għamilnihiex b’kapriċċ, imma għamilniha b’responsabbiltà għax filwaqt li kommessi li nagħtu dik l-għajnuna meħtieġa, irridu soluzzjonijiet li jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea mal-liġi internazzjonali, b’parametri prevedibbli, u li jpoġġu fuqna ħafna inqas riskji,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed jindirizza l-Parlament.
Fil-Parlament, Dr Abela nnota wkoll kif fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qabel kontra l-pożizzjoni ta’ pajjiżna. Dan anki kif ħareġ fi stqarrija tal-Partit Popolari Ewropew.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni vvota kontra dak li riedet Malta filgħodu u mbagħad filgħaxija wara li l-Kunsill iddeċieda, issa qed jgħid li qed jaqbel mal-pożizzjoni tagħna. Allaħares, aħna mxejna mad-deċiżjoni li riedna nieħdu l-Kap tal-Oppożizzjoni. Kieku fid-19 ta’ Diċembru, l-Unjoni Ewropea kienet tidħol fi gwerra, jekk mhux fiżika, imma ekonomika mar-Russja. Dik kienet ir-riperkussjoni ċara,” kompla jgħid il-Prim Ministru fl-ewwel seduta ta’ din is-sena.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li mbagħad instabet soluzzjoni f’dan is-summit, hekk kif ġie maqbul li l-Ukrajna tingħata self ta’ €90 biljun ġejjin minn fondi Ewropej.
Dr Abela sostna li kif dejjem saħaq f’dan kollu ġiet rispettata n-newtralità Kostituzzjonali ta’ pajjiżna u dan tniżżel b’mod ċar fil-konkluzzjonijiet ta’ dan is-summit.
Intqal li qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew saret laqgħa informali bejn numru ta’ pajjiżi dwar it-tema tal-immigrazzjoni. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ngħaqad ma’ 14-il mexxej Ewropew għal din il-laqgħa li għandha l-għan li tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin.
Semma kif ix-xahar li għadda, ġew irritornati l-maġġoranza tal-immigranti rregolari li ddaħħlu f’pajjiżna ftit tal-jiem qabel.



