Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u Viċi President tas-Soċjalisti Ewropew Alex Agius Saliba qal li l-Partit Laburista minn dejjem kien u għadu qalbu man-nies. Meta kien qed jagħlaq l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Agius Saliba qal li l-prijoritajiet tal-Partit Laburista huma xprunati mill-ġustizzja soċjali.
Agius Saliba qal li l-kumpass tan-nies huwa l-ġid li qed jinħoloq u jitqassam b’mod ġust u ekwu lil min għandu bżonn l-iktar fis-soċjetà. Sostna li huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’paniku, għax jaf li ġej budget ieħor aqwa minn ta’ qablu. Spjega kif Gvern Laburista jaħseb kif se jħalli flus fil-bwiet tan-nies, mentri ħaddieħor moħħu f’butu minħabba l-problemi finanzjarji li għandu.
Qal li l-Partit Laburista b’kuntrast, nhar is-Sibt li ġej, se jagħti l-opportunità lid-delegati tiegħu biex jaraw il-kontijiet finanzjarji tal-Partit, mentri l-Partit Nazzjonalista ma jistax jagħmel l-istess u l-attivisti tiegħu ilhom snin twal jistennew biex jaraw f’liema qagħda jinsab fiha l-partit tagħhom.
Elenka iktar differenzi bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Fosthom semma’ d-dibattitu li kien imbuttat mill-Membri Ewroparlamentari Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew li qal qabbdu lil sħabhom MPEs barranin f’attakk kontra Malta, li tkażaw bih eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Semma wkoll l-emendi kostituzzjonali li ressaq il-PN fil-Parlament Malti u qal li dan ukoll kien attakk kontra d-delizzji, il-kultura u l-isport li jagħtuna identità.
Min-naħa l-oħra, Agius Saliba qal li l-Partit Laburista qed jiddefendi d-delizzji u l-passatempi kemm f’Malta u anke fl-Unjoni Ewropea. Irrefera għall-investiment fin-nies li qed isir mill-Gvern Laburista, fosthom bil-proġett taċ-Ċentru Ċensu Moran li sejjaħlu bħala l-ġawhra f’Raħal Ġdid li qed jagħti l-aqwa servizz għaċ-ċittadini, u l-Padiljun Sportiv u Akkwatiku f’Għawdex li qal huwa wieħed mill-isbaħ faċilitajiet sportivi f’pajjiżna.
Id-Deputat Mexxej irrefera wkoll għall-mozzjoni mressqa fl-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali, li titratta l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, u faħħar l-inizjattiva li ħa l-Kumitat Lokali ta’ Bormla biex din il-materja ġiet diskussa mid-delegati. Qal li t-triq ‘l quddiem hi li Gvern Laburista jkompli jinvesti fl-akkomodazzjoni soċjali u t-triq ‘il quddiem hija t-twettiq ta’ proġetti għall-akkomodazzjoni affordabbli li jilqgħu għall-isfidi futuri ta’ dan il-pajjiż.
Agius Saliba qal li l-Partit Laburista dejjem jaħdem fl-interess tal-pajjiż u għadu relevanti għax baqa’ jisma’ l-prijoritajiet tan-nies. Temm jgħid li l-Partit Laburista, immexxi mill-Prim Minsitru Robert Abela, se jkompli jaħdem fuq livell lokali, nazzjonali u Ewropew biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem fiż-żmien li ġej.
Qabel id-diskors tad-Deputat Mexxeja, saret diskussjoni dwar il-mozzjoni msemmija b’interventi minn Georvin Buegja, Kurt Xerri, Elaine Degiorgio, Rodrick Zerafa, id-deputat Romilda Zarb, u l-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi u Roderick Galdes.

