Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, żar is-Soċjetà Filarmonika Leone, it-Teatru tal-Opera Aurora u s-Soċjetà Filarmonika La Stella u t-Teatru tal-Opera Astra fir-Rabat Għawdex. Matul dawn iż-żjarat il-Prim Ministru tenna l-importanza tal-għaqdiet kulturali fil-ħajja soċjali u artistika tal-gżira Għawdxija.
Iż-żjara fis-Soċjetà Filarmonika Leone u t-Teatru tal-Opera Aurora, huma fost l-aktar spazji kulturali importanti f’Għawdex u marbuta mill-qrib mat-tradizzjoni mużikali u operistika tal-gżira. Iż-żjara ntemmet b’laqgħa qasira mal-membri tas-soċjetà, fejn ġiet diskussa l-kontribuzzjoni kulturali tas-soċjetà u l-importanza li jiġu sostnuti l-għaqdiet volontarji kulturali f’Għawdex.
Il-Prim Ministru Abela żar ukoll it-Teatru Astra u s-Soċjetà Filarmonika La Stella. Matul iż-żjara, il-Prim Ministru dar mal-binja tas-soċjetà u t-teatru storiku, li huwa wkoll wieħed mill-aktar spazji kulturali importanti f’Għawdex. Dr Abela ra wkoll il-palk tat-teatru u s-setup tal-produzzjoni għall-musical ‘Singin’ in the Rain’, li se jittella’ fit-Teatru Astra bejn l-14 u t-22 ta’ Marzu 2026.
Hawnhekk il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mad-direttur tal-musical, mal-atturi u mal-membri tal-crew, li qed jaħdmu biex itellgħu produzzjonijiet kulturali ta’ livell għoli f’Għawdex. Iż-żjara ntemmet b’laqgħa qasira mal-membri tal-każin, fejn ġew diskussi l-attivitajiet kulturali tat-teatru u l-produzzjonijiet li qed isiru.
Il-Gvern impenjat biex ikompli jsaħħaħ is-settur kulturali f’Malta u Għawdex, dan anke kif indikat fil-Viżjoni Malta 2050. Viżjoni li tirrikonoxxi l-kultura u l-industriji kreattivi bħala pilastri importanti għall-iżvilupp sostenibbli, l-identità tal-komunità u t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Abela enfasizza li għaqdiet bħal dawn is-Soċjetajiet Filarmoniċi għandhom rwol kruċjali fil-ħarsien tal-wirt kulturali ta’ Għawdex filwaqt li jkomplu jrawmu l-kreattività u l-parteċipazzjoni fil-komunità. Huwa sostna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja t-tisħiħ tal-kultura u jinvesti fi spazji li jippermettu lill-arti u l-kultura jkomplu jiffjorixxu kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

