Tuesday, February 18, 2025

Il-Prim Ministru f’diskussjoni dwar is-saħħa mentali, l-edukazzjoni u t-trobbija

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-kurrikulu jeħtieġ jadatta għaż-żminijiet tal-lum u jinkludi suġġetti biex l-istudenti jkollhom għarfien aħjar tal-valuri u kif għandhom jindirizzaw ir-realtajiet u l-isfidi li niffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum.  Dr Abela qal dan meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni bit-tema ‘room4ideas’ bis-sehem tal-atleta Neil Agius u l-imprenditriċi Donna Cardona.

Neil Agius qasam l-ideat tiegħu dwar l-isport u s-saħħa mentali, u fost l-oħrajn ippropona li fl-iskejjel jibda jiġi kkunsidrat dak li hu magħruf bħala wellness package, jiġifieri eżerċizzji speċifiċi li jgħinu lill-istudenti kif jibnu iktar kunfidenza fihom infushom u jindirizzaw aħjar l-isfidi u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja.  Il-Prim Ministru qal li din il-proposta tista’ tibda bħala proġett pilota u jekk jirnexxi din l-idea, tkun tista’ tinfirex fuq skala nazzjonali. 

Dwar l-isport u l-attività fiżika, Dr Abela esprima l-ħtieġa li dawn il-lezzjonijiet isiru kuljum għax minbarra li t-tfal ikollhom iċ-ċans li jiċċaqalqu kuljum, jiddaħħal il-valur tad-dixxiplina li jgħinhom fl-iżvilupp akkademiku u fl-għażliet personali tagħhom, fosthom ukoll fejn tidħol in-nutrizzjoni u l-istil ta’ ħajja li jgħixu.

Donna Cardona wkoll esprimiet ix-xewqa li l-kurrikulu jiġi rivedut biex l-istudenti jkollhom għarfien aħjar u jitgħallmu iktar dwar il-ħiliet imprenditorjali.  Filwaqt li qalet hawn ħafna servizzi tajbin għall-imprendituri biex jiftħu negozju, ipproponiet li dawn is-servizzi għandhom ikunu fuq pjattaforma waħda għal min għandu ideat imprenditorjali innovattivi, bħalma huma s-social businesses. 

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jagħti appoġġ finanzjarju u permezz ta’ mentorship għal min ikun irid jiftaħ negozju u ġab l-eżempju ta’ kumpanija li żar f’Għawdex li tipproduċi parts għall-kumpanija Ġermaniża tal-vetturi.  Spjega kif il-Gvern qed jimbotta l-ideat imprenditorjali taż-żgħażagħ, u riżultat ta’ dan is-suq tax-xogħol qed isir iktar dinamiku u jrendi f’impjiegi ta’ kwalità.

Dwar is-saħħa mentali u l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, il-Prim Ministru jgħid li nħolqot strateġija minn tim ta’ psikjatri li wasslet biex fost l-oħrajn fil-Budget għal din is-sena l-Gvern alloka €4.5 miljun f’investiment biex is-servizzi marbuta mas-saħħa mentali jingħataw fil-komunità. 

Sostna li l-ikbar għadu tas-saħħa mentali hija l-istigma u għalhekk qal li l-ħsieb tal-Gvern huwa li biswit l-Isptar Mater Dei ikun hemm sptar tas-saħħa mentali biex ma jkunx hemm distinzjoni bejn pazjenti li jieħdu kura f’binja jew oħra.  Il-Prim Ministru qal ukoll li s-CDAU (it-taqsima tal-assessjar tal-iżvilupp tat-tfal) qed tagħti servizz eċċezzjonali, iżda jeħtieġ ir-rilokazzjoni ta’ din it-taqsima għal binja ġdida tinsab fi stadju finali. 

Fi tmiem id-diskussjoni, il-Prim Ministru qal li se jkompli jiddiskuti l-proposti ta’ Neil Agius u Donna Cardona, li huma ta’ ispirazzjoni.  Sostna li diskussjonijiet ta’ din ix-xorta jgħinu lilu u lil min jinsab f’karigi ta’ deċiżjoni biex jiġu ndirizzati l-isfidi u r-realtajiet tal-lum il-ġurnata.  Temm jgħid li m’hawnx pajjiż ieħor li għandu s-saħħa tar-riżorsi umani bħal tagħna, bil-Prim Ministru jgħid li huwa għalhekk li l-Gvern qed jara li jinvesti fin-nies u joħloq opportunitajiet biex jissarrfu f’ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport