Friday, March 20, 2026

Il-Prim Ministru fi Brussell jenfasizza azzjoni b’rabta mal-inflazzjoni fis-settur tal-enerġija

Aqra wkoll

Madwar il-mejda tad-diskussjonijiet mal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tieħu azzjoni f’waqtha biex tegħleb l-inflazzjoni b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, fl-isfond tal-isfidi li qed jippreżenta l-kuntest ġeopolitiku sensittiv bit-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani.

Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru qal li l-konsolidazzjoni tas-Suq Waħdieni trid tissarraf b’impatt pożittiv reali li jinħass miċ-ċittadini u n-negozji fl-Istati Membri kollha, inkluż dawk ta’ pajjiżi fil-periferija u li mhux konnessi bħal Malta. Huwa spjega kif dan japplika wkoll għall-prezzijiet tal-enerġija, li f’pajjiż bħal Malta għandhom impatt ferm aktar wiesa’ minħabba ż-żidiet fl-ispiża marbuta mat-trasport u l-loġistika.

“Irridu nkunu ta’ sostenn għall-familji u n-negozji tagħna b’miżuri li jipproteġuhom mill-impatt tal-inflazzjoni, u allura rridu nsibu modi kif noffru stabbiltà u nilqgħu għax-xokkijiet esterni. Għandna għażla quddiemna – jew ngħollu l-prezzijiet u noħolqu aktar piżijiet u frammentazzjoni fis-Suq Waħdieni, inkella nassorbu l-pressjonijiet u nipproteġu l-kompetittività tagħna. Pajjiżna se jibqa’ jara li joffri stabbiltà lill-familji u n-negozji kif għamilna sa mill-bidu tal-kriżi tal-enerġija fl-2022,” sostna l-Prim Ministru.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-ittra li bagħat lill-President tal-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-mexxejja tal-Italja, Spanja, Greċja u Ċipru, dwar it-tanker Russu sanzjonat, Arctic Metagaz. Huwa saħaq kif filwaqt li l-Awtoritajiet Maltin kienu qed isegwu b’reqqa l-iżviluppi madwar dan il-każ u kienu mħejjija bi pjan ta’ kontinġenza, jeħtieġ li tinstab soluzzjoni Ewropea effettiva għal dawn il-kriżijiet Ewropej li qed iġibu magħhom riskji ta’ sigurtà marittima u sfreġju ekoloġiku fil-Mediterran.

Ċentrali f’dan is-summit kienu wkoll id-diskussjonijiet dwar l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani, bil-Prim Ministru Malti jgħid li f’dan tal-aħħar, hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tagħmel sforzi diplomatiċi serji favur deskalazzjoni, koordinazzjoni u djalogu b’saħħtu sabiex jintemm il-kunflitt. Il-mexxejja kellhom ukoll skambju mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres, fejn il-Prim Ministru saħaq fuq ir-rispett lejn il-liġi internazzjonali u sostna li f’dan il-kuntest, jispikka dejjem aktar il-bżonn li nsaħħu l-multilateraliżmu, bin-Nazzjonijiet Magħquda tibqa’ fiċ-ċentru tas-sistema internazzjonali.

Il-Prim Ministru pparteċipa wkoll fis-Summit tal-Euro li tratta b’mod prominenti l-pressjonijiet tal-inflazzjoni, fejn Dr Abela spjega kif l-impatt huwa sproporzjonat fuq pajjiżi bħal Malta li għandhom ekonomija miftuħa u dipendenti fuq l-importazzjoni. Huwa sostna li fl-immedjat iridu jittieħdu miżuri proporzjonati u responsabbli li jappoġġjaw l-ekonomija, filwaqt li jridu jibqgħu sostnuti l-miri fit-tul li jħarsu lejn riformi strutturali, aċċess għall-finanzjament lill-kumpaniji u l-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. F’diskussjoni separata, il-mexxejja ddiskutew ukoll il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028–2034, fejn ingħata rendikont tal-progress milħuq u ddiskutew il-passi li jmiss bil-mira li jintlaħaq qbil fuq kompromess ġust sal-aħħar tas-sena.

Qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa informali fuq it-tema tal-migrazzjoni ma’ numru ta’ pajjiżni oħra Ewropej, fejn mill-ġdid ġie sostnut l-importanza tar-ritorni effettivi. Matul din id-diskussjoni, il-Prim Ministru rrifletta dwar l-impatti aktar wiesgħa u fit-tul fuq il-kontinent Ewropew tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani, inkluż ir-riskju serju ta’ pressjonijiet migratorji, u qal li l-Unjoni Ewropea trid tkun imħejjija għal din l-eventwalità, primarjament permezz ta’ aktar ħidma mal-pajjiżi tat-tluq u tat-tranżitu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport