Waqt ċerimonja li inawgurat ir-restawr tal-qniepen tal-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl, fil-Belt Valletta u li mmarkat ukoll it-tlestija tar-restawr tal-kampnar riżultat fost oħrajn ta’ fondi Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif din il-binja hi parti mill-identità tal-belt kapitali u għalhekk kien hemm il-ħtieġa li nindukrawha u nieħdu ħsiebha.
Dr Abela qal li wara għexieren ta’ snin ta’ espożizzjoni għall-elementi naturali kien hemm bżonn urġenti ta’ restawr. Filwaqt li wera sodisfazzjon għat-tlestija tax-xogħol ta’ restawr fuq il-kampnar u l-qniepen, il-Prim Ministru Abela rrimarka li r-restawr tal-kampnar sar b’investiment qawwi u li mal-€4.2 miljun ġew allokati mill-Gvern f’fondi Ewropej biex isir ix-xogħol meħtieġ. Huwa żied jgħid li l-Pro Katidral gawda wkoll minn għajnuna mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, l-NDSF.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-għajnuna wkoll li tat il-Fondazzjoni HSBC Malta għar-restawr tal-qniepen u saħaq, “Hekk jiġri meta ningħaqdu flimkien: il-Gvern u l-komunità, naħdmu id f’id biex nissalvagwardjaw dak li hu tagħna lkoll.”
Huwa rrimarka kif dan il-proġett jikkumplimenta inizjattivi oħra f’dak li għandu x’jaqsam mar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta. Qal li b’investiment ta’ aktar minn €24 miljun, fl-aħħar snin il-komunitajiet tal-Belt Valletta gawdew minn spazji miftuħa ġodda, titjib f’faċilitajiet edukattivi u restawr tal-wirt storiku fosthom il-Palazz tal-Granmastru, fost oħrajn.
Il-Prim Ministru żied jgħid li għalhekk ir-restawr tal-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl huwa aktar minn proġett, iżda huwa wegħda li se nkomplu nieħdu ħsieb il-wirt li ħallew ta’ qabilna. Huwa għamel ukoll referenza għall-avveniment annwali tan-Notte Bianca fejn il-Pro Katidral se jkun fost is-siti li jista’ jżur il-pubbliku u japprezza dan il-wirt.