Waqt laqgħa informali tal-Mexxeja Ewropej li saret fil-kastell storiku ta’ Alden Biesen, il-Belġju, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea (UE) twieġeb b’mod strateġiku u kkordinat għall-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fl-ambjent ġeoekonomiku u ġeopolitiku. Bidliet li qed iħallu impatt fuq in-negozji u l-kompetittività, speċjalment għal ekonomiji żgħar u miftuħa bħal dik ta’ pajjiżna.
Dr Abela sostna li l-UE għandha tibqa’ miftuħa għal relazzjonijiet kummerċjali ma’ diversi pajjiżi u reġjuni. Dan filwaqt li tara li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza, l-effettività u l-kompetittività tagħha, kemm internament kif ukoll mal-bqija tad-dinja.
Huwa enfasizza li d-diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali hija mezz kruċjali biex l-UE u l-Istati Membri jnaqqsu d-dipendenzi, b’mod speċjali f’oqsma essenzjali bħall-enerġija u l-materja prima, fost l-oħrajn.
Fl-istess waqt Dr Abela, qal li l-UE trid tiddefendi u ssaħħaħ setturi u teknoloġiji strateġiċi kontra kompetizzjoni inġusta u pressjoni ekonomika. B’hekk jeħtieġ li jiġu evitati miżuri li b’xi mod jew ieħor inaqqsu l-kompetittività jew li jimpattaw b’mod negattiv l-investiment.
Il-Prim Ministru qal li filwaqt li huwa importanti li l-UE tkompli tmexxi ’l quddiem soluzzjonijiet globali favur azzjoni klimatika, din l-istess ambizzjoni jeħtieġ tkun waħda meqjusa, responsabbli u li ssaħħaħ il-kompetittività mhux biss tal-UE imma anke tal-Istati Membri tagħha.
“Is-suq waħdieni hu wieħed mill-ikbar assi tal-Unjoni Ewropea. Ir-reżiljenza tal-UE, u għalhekk ukoll dik tal-Istati Membri, tiddependi fuq suq waħdieni b’saħħtu, flimkien ma’ policies u strateġiji interni li jsaħħu n-negozji u jġibu benefiċċji reali għaċ-ċittadini, inkluż dak tal-Maltin u l-Għawdxin,” qal Dr Abela.
Huwa spjega kif għal pajjiżna suq waħdieni aktar b’saħħtu jfisser aktar opportunitajiet, aktar investiment, aktar esportazzjoni ta’ servizzi u prodotti, aktar kompetittività, u aktar impjiegi, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji li jridu jinnovaw u jespandu.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna se jibqa’ jimbotta politika ta’ inċentiv u tkabbir sostenibbli, u mhux politika ta’ awsterità. Enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-UE tkompli ssaħħaħ il-konnettività, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija, it-trasport u n-netwerks diġitali, hekk kif dawn isarfu f’infrastruttura essenzjali biex is-suq waħdieni Ewropew jaħdem b’mod effettiv.
Fl-istess waqt, huwa rrimarka dwar l-importanza li tissaħħaħ ukoll l-ekosistema Ewropea biex il-kumpaniji jirnexxu, b’attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u medji sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jinvestu, iħaddnu dejjem aktar l-innovazzjoni u jespandu.
Din il-laqgħa saret fuq stedina mill-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, biex il-mexxeja Ewropej jiddiskutu dwar it-tisħiħ tas-suq waħdieni, u l-kompetittività tal-UE. Matul id-diskussjonijiet, Mario Draghi u Enrico Letta taw il-perspettiva tagħhom dwar dawn iż-żewġ temi prinċipali.
Dawn id-diskussjonijiet qed iservu bħala preparazzjoni għall-Kunsill Ewropew skedat li jsir ix-xahar id-dieħel fi Brussell.

