Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-KSU Malta Careers Expo, ġewwa l-Università ta’ Malta. Matul din iż-żjara Dr Abela tkellem mal-organizzaturi u l-parteċipanti, fejn fost l-oħrajn spjega kif il-Viżjoni Malta 2050 qed tixpruna pjan olistiku biex pajjiżna jkompli jimxi lejn edukazzjoni dejjem aktar moderna, b’enfasi partikolari fuq is-suġġetti STEAM, filwaqt li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.
Il-Viżjoni Malta 2050 tpoġġi enfasi ċara fuq impjiegi ta’ kwalità, aktar taħriġ, opportunitajiet ta’ apprentistat u ħiliet allinjati mal-ħtiġijiet tal-ekonomija.

Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ studenti li kienu qed iżuru l-expo. Huwa saħaq li dan il-Gvern kien u se jibqa’ jkun ta’ sostenn biex aktar studenti jagħżlu li jibnu l-karriera li jixtiequ u jsibu impjiegi ta’ kwalità.
L-appoġġ li l-Gvern jagħti lill-familji u lill-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw kemm waqt l-edukazzjoni obbligatorja kif ukoll wara, qed ikompli jissaħħaħ minn sena għal sena. Minn din is-sena, l-istudenti kollha qed igawdu minn żieda ta’ 15% fl-istipendji tagħhom. Barra minn hekk, ġenituri ta’ żgħażagħ li jkomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom wara l-età obbligatorja qed tingħatalhom għotja ta’ €500 fis-sena għal massimu ta’ tliet snin, flimkien ma’ tnaqqis fit-taxxa tad-dħul sakemm uliedhom jagħlqu 23 sena.

Studenti li jkomplu bl-istudji tagħhom immedjatament wara s-sekondarja qed jingħataw ukoll voucher għal sena internet b’xejn. Filwaqt li studenti Għawdxin li jsegwu l-istudji tagħhom ġewwa Malta qed tingħatalhom għotja ta’ €280 fix-xahar.
Il-KSU Malta Careers Expo se tibqa’ għaddejja sal-Erbgħa 11 ta’ Marzu, b’dawk li jattendu jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu ma’ rappreżentanti minn diversi kumpaniji u entitajiet li ġejjin minn setturi differenti. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn ir-rappreżentanti qed twassal biex l-istudenti jkabbru l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet li joffri s-suq tax-xogħol f’pajjiżna.

