Fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida 2025, il-Prim Ministru Robert Abela għamel appell b’saħħtu favur l-għaqda. Huwa ddikjara li jeħtieġ li naħdmu flimkien biex dawk il-materji li l-poplu Malti u Għawdxi jixtieq li jtejjeb, insibu s-soluzzjonijiet għalihom flimkien.
“L-aħna ikbar mill-jien.
L-għaqda ikbar mis-suppervja. Hawn ħafna tajjeb f’dan il-pajjiż. Għandna qalb tajba, poplu bieżel, l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tkompli tikber u toħloq aktar ġid, għandna talent kbir fostna u għandna kuraġġ ta’ sur,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa beda biex qal li jekk tħares lejn l-arkitettura ta’ pajjiżna, tkun qed tirrakkonta l-istorja ta’ dan in-nazzjon. “Storja ta’ poplu li kien jiddependi fuq il-ħniena tal-barrani. Poplu li jittama li s-sid jitimgħu. Sakemm sibna riġlejna u ma bqajniex iżjed inseftru lil ħaddieħor.”
Dr Abela qal li missier missirijietna ġġieldu għad-destin ta’ dan il-pajjiż u għalina, biex inkunu l-awturi tal-istorja tagħna, inkunu protagonisti. U għax konna poplu wieħed ħdimna flimkien, irbaħna u wellidna nazzjon.
“Storja ta’ kuraġġ. Storja ta’ pajjiż li ma riedx li ċ-ċokon tiegħu jiddefinih. Minn poplu jbati l-ġuħ wara l-gwerra, f’żewġ ġenerazzjonijiet bnejna pajjiż modern u ħieles. Ħieles biex jaħseb, ħieles biex joħlom u li jimxi aktar ’il quddiem. Bil-lingwa tiegħu għajta ta’ ġens li jrid il-libertà.
“Pajjiż li kien jibgħat lil uliedu fl-erba’ rjiħat tad-dinja, fost d-dieqa ta’ ommijiet ixejru lil uliedhom, ħafna drabi għall-aħħar darba. Ixejru lil demmhom. Ixejru t-tama. Illum mhux il-firda imma t-tama f’pajjiżna, b’sens ta’ opportunità u ottimiżmu. Illum l-omm tħares bi kburija hekk kif uliedha jiktbu l-istorja.
“Malta pajjiżna. Din hija Malta tagħna. Din hija Malta li tant kburin biha. Pajjiż żgħir imma poplu kbir. Poplu li dejjem irnexxa u kien ta’ suċċess. 50 sena minn Malta Repubblika. Illum, quddiemna pajjiż modern li joffri futur ta’ kwalità lil uliedna.
“Jien stess kritiku fejn nonqsu. Imma ma intom qatt se tisimgħu kelma ħierġa minn fommi kontra pajjiżi, pajjiżna. Għax din hija artna, din hija darna,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Se nkomplu nindirizzaw l-isfida tal-ħaddiema barranin
Dr Abela qal ukoll fil-jiem li ġejjin se jkomplu jindirizzaw waħda mill-akbar sfidi li għandna quddiemna, dik tal-ħaddiema barranin.
Qal li filwaqt li jrid jara li l-ekonomija tibqa’ għaddejja, din ma tiġix bi prezz. “Prezz li jitħallas mill-poplu Għawdxi u Malti fi kwalità tal-ħajja u l-ambjent. Dik mhu se naċċettaha qatt.”
Fit-turiżmu wkoll, żied jgħid il-Prim Ministru, illum għandna l-lussu li nagħżlu mhux kemm jiġu imma l-kwalità ta’ turist se tkun il-prijorità. Kien hawn fejn qal li għandhom is-soluzzjonijiet u se jwettquhom.
Tenna li fil-ġranet li ġejjin se naraw it-twettiq tal-Budget. Budget bl-ikbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja.
“Kull min jaħdem se jara l-paga tiegħu tiżdied, għalhekk se jibqagħlek aktar flus fil-but. U kull pensjonant se jerġa’ jiżdied għall-għaxar sena nfila u kull min għandu t-tfal diġà rċieva l-ewwel pagament miż-żieda ta’ €250 fiċ-Children’s Allowance,” sostna l-Prim Ministru li rrimarka wkoll kif dawn huma biss fost id-diversi miżuri oħra li se jidħlu fis-seħħ.
“Dak li nwiegħdu nwettquh u nagħtikom kelmti li se jitwettaq”
Matul is-sena l-ġdida, se tintensifika l-ħidma biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ bosta persuni fosthom anzjani għall-interventi kirurġiċi li għandhom bżonn. “Qed nagħmlu ħilitna kollha sabiex naqtgħu l-lista ta’ stennija fl-iqsar żmien possibbli.”
“Mhux hekk biss. Anke fis-settur tal-akkomodazzjoni, se nkomplu bil-ħidma tagħna favur li kulħadd isir sid ta’ daru u għalhekk l-iskemi u inċentivi tant b’saħħithom, bħal tal-equity sharing fost oħrajn, li se naraw li jgawdu minnhom aktar nies.
“Se nagħmlu wkoll sforz kollettiv sabiex kulħadd ikollu l-kumdità u l-aċċessibilità jinżel u jitla’ f’daru,” tenna l-Prim Ministru. “Dak li wegħidnikom f’Ottubru se tarawh jitwettaq fil-ġranet li ġejjin. Dak li nwiegħdu nwettquh u nagħtikom kelmti li se jitwettaq.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li meta dan il-pajjiż jingħaqad, meta juri l-kuraġġ u ma jbaxxix rasu għall-biża’, jista’ jkompli miexi ’l quddiem u jkompli jikteb l-istorja ta’ dan il-pajjiż b’suċċess. Storja ta’ perseveranza fejn iċ-ċokon tagħna lanqas jibda mad-daqs tal-ħolm tagħna.