Saturday, December 21, 2024

Il-Prim Ministru jappoġġja diskussjoni pubblika dwar l-ewtanażja

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-diskussjoni pubblika dwar l-ewtanażja għandha tkompli. Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika tal-Partit Laburista.

Abela fl-istess waqt għamel referenza għall-esperjenza personali meta ħabib tiegħu minn Ħal Qormi kien jinsab fit-taqsima tal-kura intensiva tal-Isptar Mater Dei wara li kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19. Qal li minkejja li f’dan il-każ partikolari it-tobba kienu qalu li l-pazjent ftit li xejn kellu ċans li jirkurpa, seħħ bil-kontra biex issa l-ħabib tiegħu jinsab lura d-dar f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

Huwa rrefera wkoll għal dak li kien qal id-Deputat Mexxej tal-PL Daniel Micallef li kien esprima lilu nnifsu favur l-ewtanażja wara li kien ġarrab esperjenza personali.

Tenna li l-Partit Laburista kien għamel riformi soċjali importanti, u għaldaqstant ma jistax jinjora din il-kwistjoni li minkejja li hija delikata tolqot lil bosta nies b’mod dirett.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru emfasizza l-ħidma tal-Gvern tul il-pandemija tal-Covid-19, u kif din il-ħidma għenet biex jiġu salvati mijiet ta’ impjiegi. Huwa esprima lilu nnifsu bħala fiduċjuż għal dak li qed jistenna lil pajjiżna wara Mejju li ġej.

Fost dawk li indirizzaw l-attività politika tal-Partit Laburista kien hemm ukoll Oliver Scicluna, li se jkun qed jiġi co-opted fil-Parlament biex jieħu post Gavin Gulia li rriżenja ftit wara li ħa l-ġurament tal-ħatra aktar kmieni din il-ġimgħa.

Scicluna tenna li fih se tkun qed tispikka l-valur tal-onestà u tenna li mhux se jkunu qed joqgħod lura milli jitkellem mal-Prim Ministru meta ma jkunx qed jaqbel miegħu fuq ċerti kwistjonijiet.

Ekonomija

Sport