Saturday, November 16, 2024

Il-Prim Ministru jattendi għal sessjoni mill-Covid-19 Incident Command Group f’Mater Dei

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, attenda għal sessjoni mill-Covid-19 Incident Command Group, fl-Isptar Mater Dei.

Dan il-grupp, li twaqqaf fi Frar, huwa magħmul minn għadd ta’ professjonisti, tobba u konsulenti li jieħdu ħsieb li ssir analiżi immedjata tas-sitwazzjoni kurrenti fl-isptar. Dan bil-għan li l-ħaddiema jantiċipaw minn qabel il-bżonnijiet u jilqgħu bl-aħjar mod possibbli għal kull eventwalità.

Il-grupp huwa ffurmat minn membri permanenti li jirrappreżentaw diversi dipartimenti filwaqt li jingħaqdu oħrajn magħhom skont il-ħtieġa. Permezz tal-Incident Command Group, l-istaff kollu tal-isptar qed jadatta skont in-neċessità u jassigura li s-servizz tas-saħħa jkompli jingħata bi professjonalità.

Fl-istess żjara, Dr Abela u Mr Fearne żaru d-Dipartiment tal-Patoloġija fejn raw kif dan id-dipartiment qed jaħdem bla waqfien biex ilaħħaq mat-testijiet normali tas-sistema tas-saħħa kif ukoll mat-testijiet relatati mal-Covid-19. Fil-fatt, dan id-dipartiment ma joffrix biss servizz lill-Isptar Mater Dei iżda jaħdem ukoll it-testijiet tal-Isptar Boffa, tal-Isptar Monte Karmeli, tar-Residenza San Vinċenz de Paule u taċ-ċentri tas-saħħa tal-gvern.

Il-Prim Ministru rringrazzja lil dan it-tim tad-dedikazzjoni u tal-ħidma tiegħu li qed jissarrfu f’fiduċja u fi gratitudni mill-poplu kollu.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru aċċenna dwar l-importanza li kull wieħed u waħda minna jibqa’ jsegwi l-pariri u l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex l-isptarijiet tagħna jkomplu joffru servizz ta’ eċċellenza kif imdorrijin jirċievu l-pazjenti sa issa.

Ekonomija

Sport