Sunday, June 22, 2025

Il-Prim Ministru jelenka lista sħiħa ta’ proġetti u miżuri ambjentali

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru elenka lista sħiħa ta’ proġetti u miżuri ambjentali li qed isiru mill-Gvern fosthom il-proġett tas-shore-to-ship fil-Port il-Kbir u fil-Port Ħieles, il-proġett tal-waste-to-energy u l-inizjattivi għall-immaniġġjar tal-iskart, il-qalba għall-użu tal-LNG, it-tieni interconnector, l-użu tal-bjut u spazji oħrajn għall-pannelli tax-xemx, u l-inċentivi għall-vetturi elettriċi. 

Dwar it-trasport bil-baħar, li huwa mezz ta’ trasport alternattiv bejn il-gżejjer, Dr Abela ħabbar kif mix-xahar id-dieħel, se jitnieda l-fast ferry minn Buġibba sabiex ikompli jitnaqqas it-traffiku mit-toroq u anke t-tniġġiż tal-arja li hu kkawżat mill-vetturi.  Spjega li l-fast ferry bejn Malta u Għawdex kulħadd qed jifhem kemm huwa effettiv, u qed jirrendi f’bidla fil-mentalità ta’ kif wieħed jivjaġġa bejn iż-żewġ gżejjer.

Dwar il-qasam tal-kostruzzjoni, Dr Abela qal li bħalissa qed jiġu abbozzati kodiċi tal-bini għal iktar regolamentazzjoni f’dan is-settur. Il-Prim Ministru semma kif il-Gvern qiegħed jgħin biex aktar nies jirrinovaw propjetajiet eżistenti flok jixtru propjetajiet ġodda, fosthom permezz ta’ skemi ta’ għajnuna għal min jixtri propjetajiet antiki f’żoni ta’ konservazzjoni urbana.  

Kienet diskussjoni ta’ ideat konkreti biex ikomplu jittieħdu iktar deċiżjonijiet favur l-ambjent għan-nies, li fiha ħadu sehem Dr Rachel Scicluna, antropologa u Chairperson tal-Guardian of Future Generations u l-Professur Ruben Paul Borg li huwa Perit u lettur fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta.  

Dr Scicluna tkellmet dwar kif il-bidliet demografiċi qed iħallu impatt fuq l-ispazju u l-ambjent ta’ pajjiżna. Sostniet il-ħtieġa li l-governanza tkun abbinata mall-ambjent sostenibbli u saħqet li meta nippjanaw l-ambjent ta’ madwarna, għandna dejjem inżommu f’moħħna l-ħtiġijiet tal-poplu tagħna.

Scicluna tkellmet ukoll dwar numru ta’ proġetti ta’ rijabilitazzjoni li saru ma’ għaqdiet mhux governattivi, fosthom Dar Tereża u Dar Qawsalla u li minn djar dilapitati ġew riġenerati fi djar li qed jitgawdew minn persuni u familji li għaddejin minn diversi sfidi f’ħajjithom.

Il-Professur Reuben Paul Borg tkellem l-isfidi marbuta mal-industrija tal-kostruzzjoni u qal li l-Università u l-industrija qed jibdew jużaw materjal ta’ kwalità tajba fil-bini, li qed jinħoloq mir-riċiklar tal-iskart tal-kostruzzjoni stess. 

Faħħar ukoll diversi inizjattivi li ħa l-Gvern għall-qasam ambjentali fosthom it-twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u t-twaqqif tal-Aġenzija għall-Azzjoni dwar il-Klima. Irrefera għall-Wildlife Rehabilitation Centre li nħoloq minn post dilapitat industrijali u llum qed joffri esperjenza edukattiva għall-istudenti u l-edukaturi f’binja li ma tużax enerġija (net zero energy).

Fi tmiem id-diskussjoni, il-Prim Ministru qal li s-suċċess tal-pajjiż għandu jitkejjel bil-kuntentizza tan-nies.  Irrefera għall-istħarriġ tal-Istat tan-Nazzjon li minnu ħareġ kif tliet kwarti tal-Maltin iħossuhom kuntenti f’Malta.  Qal li fadal il-kwart l-ieħor li rridu naraw li huma wkoll ikunu kuntenti.  

F’dan l-isfond, Dr Abela qal li hawn jinkwadraw il-Viżjoni Malta 2050 u l-Pjan għall-Familja biex l-individwi jitpoġġew fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.  Qal li l-Gvern huwa iffukat u trankwill b’ħidma li qed issir biex jindrizza r-realtajiet tan-nies fiż-żmien li ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport