Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara fil-Parlament li għandu fiduċja sħiħa fl-Imħallef Lawrence Mintoff u jifhem li għandu x-xewqa li jservi bħala Prim Imħallef u li dik ix-xewqa huwa jirrispettaha.
Din id-dikjarazzjoni reġa’ tennieha f’kummenti mal-ġurnalisti barra l-Parlament fejn qal li jemmen li l-ittra li bagħat l-Imħallef Mintoff lill-Kabinett kienet xprunata mix-xewqa tiegħu li jservi lil pajjiżu. “Nemmen li fuq medda ta’ snin, l-Imħallef Mintoff wera rettezza u integrità fil-mod kif qeda d-dmirijiet tiegħu f’dik il-kariga,” qal il-Prim Ministru.
Dr Abela qal ukoll li mhux fil-kompitu tiegħu jgħaddi ġudizzju. “Li kieku jien inħoss li kellhom jittieħdu xi proċeduri ta’ dixxiplina, kont nirreferi dik l-ittra lill-awtorità li tinvestiga tali allegazzjonijiet. In-nuqqas ta’ azzjoni tiegħi jitkellem waħdu. Anzi jiena nixtieq li l-Imħallef Mintoff jibqa’ jservi fil-kariga. Id-diskusjonijiet dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef għadhom ma ngħalqux,” tenna l-Prim Ministru.
Sadanittant, fil-Parlament, Dr Abela nnota li sat-Tnejn li għadda, l-Oppożizzjoni kellha tagħti risposta dwar jekk taqbilx jew le man-nominat/a li ressaq il-Gvern għall-kariga ta’ Prim Imħallef.
Huwa iżda qal li l-Oppożizzjoni reġgħet ġiet lura b’risposta ta’ la iva u lanqas le. “Dan is-skiet itarrax mill-Oppożizzjoni fuq il-proposta tal-Gvern huwa wieħed li din in-naħa tal-Kamra u l-poplu qed jinnutah,” qal il-Prim Ministru.
F’kummenti oħra mal-ġurnalisti, Dr Abela saħaq li huwa kien għamel xogħlu skont il-mod kif l-Avukatura ġġib ruħha. Qal li l-fatt li Avukat għan-nom tal-klijent jikkontesta kont tal-qorti hi xi ħaġa li tant teżisti li saħansitra għandek proċedura formali kif issir.

