Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se tiftaħ l-ewwel flyover tal-proġett tal-Imsida Creek. F’intervista ma’ Jean Paul Mifsud li saret qabel il-ftuħ tal-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, Dr Abela semma dan il-proġett meta kien qed jitkellem dwar ix-xogħol infrastrutturali li qed jitwettaq fil-pajjiż.
Il-Prim Ministru spjega li l-proġett tal-Imsida Creek, permezz tal-flyover li se tiftaħ, se tkompli tgħin fil-flow tat-traffiku tal-inħawi. Żied li kieku kien għall-Partit Nazzjonalista dan il-proġett ma kienx isir, għaliex il-Kunsill Lokali tal-Imsida kien għamel u-turn u ħareġ kontra dan il-proġett. Dr Abela għamel referenza wkoll għall-proġetti infrastrutturali ambizzjużi oħra bħal dak tal-Kappara, Ħal-Luqa u s-Central Link fejn Gvern Laburista kien deċiżiv u wettaqhom.
Dr Abela semma wkoll kif din il-ġimgħa ngħata bidu għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-proġett tal-Park Nazzjonali tal-White Rocks, flimkien mat-tfal. Hawn irrimarka fuq l-ispontanjetà tat-tfal fl-ideat li għandhom għal dan il-park fosthom biex ikun hemm indoor u outdoor gym, OCR, multi sensory rooms u spazji aċċessibbli għall-picnics.
Il-Prim Ministru sostna li dawn huma t-tip ta’ ideat li jridu jwettqu f’dan is-sit, fejn anke il-binjiet eżistenti jiġu rijabilitati. Semma kif l-istess konsultazzjoni trid issir fir-rigward ta’ Manoel Island u Fort Campbell sabiex lin-nies nagħtuhom il-parks li jixtiequ. Dr Abela sostna li Gvern Laburista għandu l-ambizzjoni u l-viżjoni biex dawn il-proġetti jwettaqhom.
Il-Prim Ministru sostna li dan il-Gvern se jkompli jżid l-inċentivi biex aktar nies jagħmlu użu mit-trasport pubbliku kemm fuq l-art u bil-baħar. Semma t-tisħiħ li qed isir tal-mezzi tat-trasport b’xejn, bħal żieda fir-rotot u l-frekwenzi tal-karozzi tal-linja, infetħu park and rides ġodda, kif ukoll semma t-trasport bil-baħar li se jgħaqqad lil Tas-Sliema u Buġibba fejn dan is-servizz ta’ fast ferry se jkun mingħajr ħlas. Dr Abela qal li kuntrarju għal ħaddieħor, li jitħaddet biss, Gvern Laburista jkompli jkun kuraġġuż fid-deċiżjonijiet li jieħu.
Meta mistoqsi dwar il-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru sostna li l-fatt li Malta rrikonoxxiet l-Istat tal-Palestina kien messaġġ b’saħħtu, madanakollu sostna li Malta mhux se tibqa’ siekta u għad fadal aktar xi jsir. Sostna li pajjiżna se jibqa’ jagħti għajnuna umanitarja u se jkompli joffri kura lill-persuni midruba. Dr Abela qal ukoll li nhar il-Ħamis, waqt il-Kunsill Ewropew fi Brussell, se jkompli jwassal il-messaġġ ta’ Malta dwar il-Lvant Nofsani sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn f’dan ir-rigward.
Fl-intervista, il-Prim Ministru Abela semma kif fl-ewwel ġimgħat tas-sena d-dieħla l-Gvern se jniedi l-Viżjoni Malta 2050 u li l-implimentazzjoni tagħha tixħet fuq il-Gvern miri ambizzjużi ħafna. Spjega li Gvern Laburista għandu l-kompetenza, l-aptit u l-enerġija li jieħu lil pajjiż ’l quddiem. Qal li llum n-nies qed jgħixu ħajja aħjar, fejn id-dħul tal-familji rdoppja minn żmien gvern preċedenti. Sostna li bil-politika ta’ dan il-Gvern għandna l-aqwa ekonomija fl-Ewropa, u b’hekk inkomplu nqassmu l-ġid lill-poplu tagħna.
Mistoqsi dwar kif se jqatta’ jum il-Milied, il-Prim Ministru Abela semma li se jkun qed jerġa’ jattendi għall-ikla organizzata mill-Caritas. Spjega li tkellem mal-Caritas dwar kif jistgħu jsaħħu din l-inizjattiva, tant li din is-sena se tkun qed issir taħt tinda kbira. Dr Abela faħħar il-ħidma imprezzabbli li ssir mill-Caritas u semma s-sinerġija li hemm mal-Gvern biex tkompli ssir din il-ħidma.

