Sunday, March 15, 2026

Il-Prim Ministru jgħid li l-Gvern se jibqa’ joffri ċertezza u stabbiltà lill-poplu f’kuntest internazzjonali diffiċli

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li minkejja t-tensjonijiet ġeopolitiċi internazzjonali u l-isfidi li qed jiżviluppaw madwar id-dinja, il-Gvern Malti se jibqa’ joffri ċertezza, stabbiltà u serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi.

F’attività politika f’Raħal Ġdid, Dr Abela tkellem dwar l-isfidi ekonomiċi globali, fosthom il-possibbiltà ta’ żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija minħabba l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani u fil-Golf Għarbi. Huwa fakkar li pajjiżi oħra Ewropej raw żidiet drastiċi fil-prezzijiet tal-fjuwil, filwaqt li Malta baqgħet iżżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli grazzi għas-sussidji tal-Gvern.

Dr Abela tenna li l-Gvern se jkompli jżomm dawn is-sussidji biex jipproteġi lill-familji u lin-negozji Maltin, u se jibqa’ jwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu minkejja l-isfidi internazzjonali. Fakkar li l-aħħar baġit kien l-ikbar fl-istorja tal-pajjiż b’investiment ta’ €9.3 biljun, u li l-Gvern implimenta l-akbar tax cuts fl-istorja tal-pajjiż li jammontaw għal €300 miljun. 

Il-Prim Ministru semma wkoll diversi miżuri li diġà twettqu, fosthom għotja ta’ €500 lil madwar 7,500 ġenitur biex jinvestu fl-għodod diġitali għat-tfal tagħhom, kif ukoll l-investiment kontinwu fil-mekkaniżmu tal-COLA addizzjonali biex jgħin lill-familji jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Huwa qal li dan l-aħħar ingħataw €27 miljun oħra li minnhom gawdew madwar 62,500 persuna.

Dr Abela qal li bħalissa Malta qed tiffaċċja sitwazzjoni sensittiva minħabba tanker tal-gass li jinsab barra mill-ibħra territorjali Maltin, iżda saħaq li l-awtoritajiet Maltin huma preparati għal kull eventwalità.  Irrefera għall-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u qal li mentalità li tnaqqas l-importanza ta’ fejn iseħħ inċident bħal dan hija waħda perikoluża, speċjalment meta rrefera għaż-żona ta’ tiftix u salvataġġ.

Filwaqt li rringrazzja lill-membri tal-korpi dixxiplinati u lill-entitajiet kollha involuti fis-sigurtà tal-pajjiż, fosthom il-pumpiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta u Transport Malta, għax-xogħol dedikat tagħhom, il-Prim Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkompli jinvesti fihom fosthom bi ftehim kollettiv ġdid għall-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Dr Abela fakkar fil-memorji personali tiegħu f’Raħal Ġdid u sellem il-memorja tal-mibki Tony Bezzina, li ddeskrivieh bħala persuna magħrufa fil-qasam tal-kummerċ u għall-ħidma tiegħu favur il-klabb tal-futbol ta’ Raħal Ġdid.

Fi tmiem d-diskors tiegħu, Dr Abela stieden lin-nies biex jattendu għall-attivitajiet marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħelsien, u qal li din il-festa nazzjonali għandha importanza akbar fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali attwali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport