Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-Gvern se jkompli jinċentiva lill-familji biex ikollhom bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’aktar miżuri li se jkunu qed itejbu l-kwalità ta’ ħajjithom.
Meta kien qed jiġi intervistat minn Nicole Buttigieg, Dr Abela qal li l-Gvern se jiddiskuti l-estensjoni fil-ġranet tal-leave, bħalma huwa l-maternity u l-paternity leave, għal dawk il-ġenituri li fl-ewwel snin tat-trobbija jagħżlu li jkunu preżenti ma’ uliedhom. Irrefera wkoll għad-diskussjoni dwar kif għandhom jiġu inċentivati iktar il-ħaddiema jkollhom ukoll l-għażla tar-remote working.
Il-Prim Ministru semma wkoll kif filwaqt li l-Gvern Ingliż jagħti ftit sigħat biss b’xejn għas-servizz taċ-childcare, b’familji Ingliżi qed jiddejnu biex iħallsuh, mentri f’Malta din hija waħda mill-iktar miżuri li saħħet is-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-ġenituri li jridu jrabbu lil uliedhom fl-istess waqt li jkomplu bil-karriera. Dr Abela qal li l-ekonomija Maltija tippermetti dawn il-miżuri għax hija b’saħħitha, kif irrimarka wkoll l-IMF, bit-tkabbir ekonomiku sostenibbli ta’ pajjiżna. Spjega li dan jikkuntrasta mar-ritmu ekonomiku tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li għandhom ekonomiji staġnati u qed jaraw kif se jqaċċtu l-benefiċċji soċjali, minflok qed iżiduhom bħalna.
Il-Prim Ministru qal li fid-diskussjonijiet li kellu mal-Mexxejja Ewropej fis-Summit Informali tal-jiem li għaddew, tkellmu fost l-oħrajn fuq is-suq waħdieni u l-kompetittività. Spjega kif Malta qed tkompli tieħu vantaġġ mis-suq waħdieni billi ssaħħaħ is-sens imprenditorjali fir-riċerka u l-innovazzjoni, fosthom b’miżura mmirata għaż-żgħażagħ. Ħabbar li wara diskussjonijiet li kellu ma’ JA Malta, il-Gvern se jkun qed iwettaq riforma fil-liġi biex żgħażagħ ta’ bejn 16 u 18-il sena jiftħu negozju waħidhom, mingħajr il-ħtieġa ta’ permess tal-ġenituri tagħhom.
Mistoqsi dwar il-proġetti ta’ Forti Campbell, il-White Rocks, Manoel Island, il-Forti Tigné, il-Forti San Salvatur, u r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li bi ħsiebu jwettaq il-Gvern, Dr Abela wieġeb li l-qagħda ekonomika tippermetti li dawn isiru fiż-żmien li ġej u sostna li dawn jinkwadraw fil-prijoritajiet ġodda ta’ dan il-pajjiż. Spjega kif għandna ekonomija li qed tagħti tant mingħajr ma tikkomprometti benefiċċji li qed jingħataw diġà lin-nies, u qal li l-Gvern huwa ambizzjuż biex jagħmilhom ħalli jitgawdew mill-familji. Ma’ dawn il-proġetti, il-Prim Ministru żied il-Culture Hub u t-trakka tal-karozzi f’Ħal Far, li qal qed isir ix-xogħol fuqhom ukoll, anke jekk ħaddieħor kien xettiku li se jsiru.
Dwar il-Viżjoni Malta 2050, Dr Abela qal li din se tpoġġi lill-familji fiċ-ċentru tal-iżvilupp sostenibbli, fl-istess waqt li se tolqot setturi differenti biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, mhux bid-dħul biss, imma bil-kwalità tal-ħajja tan-nies f’oqsma varji. Irrimarka li l-viżjoni se titnieda fil-jiem li ġejjin minn dan il-Gvern, imma t-twettiq tagħha se jsir miż-żgħażagħ, li huma l-futur ta’ pajjiżna. Qal li l-Gvern ikkonsulta mal-istakeholders biex jisma’ mingħandhom il-parametri ta’ kif għandu jkun il-pajjiż ‘l quddiem.

