Sunday, March 1, 2026

Il-Prim Ministru jgħid li l-prosperità ġdida tinkiseb b’moviment għaqli li jħobb lil Malta

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li pajjiżna għadu kemm għadda minn ġimgħa importanti li matulha tnediet il-Viżjoni Malta 2050.  Meta kien qed jindirizza attività politika fin-Naxxar, Dr Abela spjega li din il-viżjoni hija mibnija fuq ekonomija b’saħħitha li taħdem għall-familji u li se tiffoka fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda, investiment fil-kwalità tal-ħajja u pjan ċar għall-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

Sostna li l-Viżjoni Malta 2050 se tara li pajjiżna dejjem ikun aħjar minn qatt qabel u biex ikollna l-aqwa Malta li jista’ jkollna.  Dr Abela qal li l-prosperità ġdida tinkiseb biss jekk fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż ikun hemm moviment għaqli li jħobb lil Malta, mhux bħal ħaddieħor li l-ħin kollu sejjer il-Parlament Ewropew jugżana mingħalih u jipprova jagħmel il-ħsara.  Qal li l-Moviment Laburista hu kompetenti u jaf imexxi l-finanzi ta’ pajjiżna, mhux partit li tant hu fallut li ħsiebu biss fil-ġabriet għax mgħattan bid-dejn.

Dr Abela qal li llum Malta tinsab fost l-aqwa għaxar pajjiżi fl-Ewropa fejn jidħol ġid nazzjonali ras għal ras u li dan is-suċċess qed jiġi rikonoxxut ukoll internazzjonalment, fosthom bil-konferma tar-rating A+ minn Fitch Ratings u bil-fatt li l-IMF mhux se jibqa’ jagħmel check-ups tal-ekonomija kull sena iżda kull sentejn.  Il-Prim Ministru spjega kif dan it-tkabbir ekonomiku qed jissarraf f’miżuri konkreti li jolqtu direttament lill-familji u liż-żgħażagħ. 

Fost dawn il-miżuri, Dr Abela semma ż-żieda ta’ 15% fl-istipendji għal madwar 16,600 student, u ta eżempji ta’ kif din iż-żieda qed tgħin lill-istudenti jlaħħqu mal-ispejjeż tagħhom waqt l-istudju. Qal ukoll li permezz ta’ diversi miżuri, familja medja f’Malta tista’ tgawdi minn għajnuna li tlaħħaq madwar €10,000 fis-sena. Irrefera wkoll għall-qasam tal-housing u qal li bejn l-2020 u l-2024 kważi 34,000 żagħżugħ taħt il-35 sena xtraw proprjetà.  Ħabbar li fil-manifest elettorali li jmiss se jkun hemm aktar miżuri marbuta mal-housing biex iktar familji u żgħażagħ ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom.

Dr Abela tkellem ukoll dwar il-pensjonanti u qal li issa wasal iż-żmien li dawn igawdu aktar mill-frott tal-ħidma tagħhom. F’dan il-kuntest spjega li se tidħol fis-seħħ miżura li tippermetti lil dawk il-pensjonanti li għandhom dħul ieħor, bħal kirjiet jew xogħol part-time, mhux se jħallsu taxxa b’avviż legali ġdid li se jidħol fis-seħħ, bil-għan li jiffrankaw f’eluf kbar ta’ ewro f’taxxa.  Dwar it-taxxa qal li Gvern Laburista se jara li tkompli tonqos, mhux bħalma kien jiġri fi żmien Gvern Nazzjonalista.

Dwar ir-riformi fil-qasam tal-ġustizzja, il-Prim Ministru qal li għada fil-Parlament se jitressaq abbozz ta’ liġi li jinkludi l-mekkaniżmu anti-deadlock marbut mal-ħatra tal-Prim Imħallef, li flimkien ma’ emendi oħra għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-istabbiltà u l-funzjonament tal-Qrati. Huwa qal li dawn ir-riformi huma parti mill-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet u jkompli jtejjeb is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.


Spjega kif il-Partit Nazzjonalista qed jikkontradixxi lilu nnifsu dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef, għax filli l-Kap jgħid mod u filli l-kelliem Nazzjonalista tal-Ġustizzja jgħid mod ieħor.  Il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni qed taġixxi hekk għax il-Partit Nazzjonalista ma ġġeddidx, għax għadu qed jitmexxa mill-istess erba’ min-nies u qed jinżamm ostaġġ ta’ dawn l-istess erba’ min-nies.  

Dr Abela rrefera wkoll għall-aġir ta’ forzi li jridu jkissru s-suċċess li qed jikseb pajjiżna, billi qed jiffumentaw li pajjiżna huwa fi kriżi, għax huma biss negattivi u distruttivi.  Sosnta li dawn l-istess forzi ta’ qtigħ il-qalb ilhom 13-il sena jagħtu l-gambetti, b’Dr Abela jgħid li ħaġa waħda hija ċerta, li l-poplu ma jridx il-filosofija tagħhhom tal-awsterità u tal-medjokrità.  Il-Prim Ministru qal li ħaddieħor moħħu biss biex joħloq it-tensjoni għax mingħalih li b’hekk se jtellef il-magna ekonomika ta’ pajjiżna.

Dwar l-aħħar żviluppi fix-xena internazzjonali, Dr Abela qal li f’dawn il-mumenti ta’ tensjonijiet kbar il-Gvern jipproteġi lill-poplu, lill-ekonomija, u lin-negozji, biex Malta tibqa’ pajjiż sigur li fih tibqa’ tipprometti l-prosperità ekonomika tagħna.  Spjega li dan il-Moviment jaħdem ta’ kuljum biex jirbaħ il-fiduċja tan-nies, u hekk se jibqa’ jagħmel fiż-żmien li ġej.

Sostna li Ħadd wara Ħadd se jibqa’ jħabbar suċċess ieħor ikbar minn ta’ qabel u jgħid kemm sar tajjeb, u kemm se jwettaq iktar minn dak li twettaq s’issa mill-Gvern.  Dr Abela qal li kien għalhekk li kull miżura u kull inizjattiva li beda jwettaq il-Gvern huma kollha parti minn din il-Viżjoni nazzjonali, b’mod li jtejbu l-ħajja tan-nies.  

L-attività politika kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, li fakkar minn fejn beda pajjiżna, fejn wasal u jista’ jħares lejn il-futur. Huwa enfasizza li l-pajjiż kellu l-kuraġġ jieħu deċiżjonijiet importanti fil-passat u qal li dan il-kuraġġ irid jibqa’ jiggwida l-pajjiż ukoll illum. 

Il-Ministru Schembri qal li l-ekonomija tinħass fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies u mhux biss fin-numri, filwaqt li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta qed iwassal għal aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, għall-familji u għan-negozji. Huwa temm jgħid li l-Viżjoni Malta 2050 se tkun strument importanti biex pajjiżna jkompli jissaħħaħ u jiżgura futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport