Sunday, January 25, 2026

Il-Prim Ministru jħabbar ftehim ġdid li jiżboq il-kwart ta’ biljun ewro biex is-servizz taċ-childcare jibqa’ jingħata b’xejn

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li se jiġi ffirmat ftehim ġdid biex jibqa’ jingħata b’xejn is-servizz taċ-childcare.

Meta kien qed jieħu sehem f’diskussjoni bit-tema ‘Il-Kwalità tal-Ħajja favur il-Familji’, Dr Abela spjega li dan il-ftehim ġdid ta’ €276 miljun, żieda ta’ €34 miljun fuq il-ftehim preċedenti, se jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin, u huwa intiż biex ikompli jinċentiva lil min irid jidħol fis-suq tax-xogħol.

Irrefera għal bosta miżuri oħrajn li l-Prim Ministru qal qed isiru minn Gvern Laburista għax jemmen li familja b’saħħitha tfisser soċjetà b’saħħitha. Semma li l-Gvern introduċa t-tieni tax cut għall-familji, wara dik ta’ €140 miljun li bbenefika minnha kulħadd.

Spjega li minn Jannar ta’ din is-sena daħlet fis-seħħ għal 3 snin din it-tieni tax cut, billi ġenituri li jaqilgħu sa €60,000 mhux se jħallsu income tax, u b’hekk il-familji se jibqgħalhom iktar flus fil-but.

Bosta temi trattati mill-esperti fil-qasam tal-familja u l-udjenza

Fid-diskussjoni spikkaw ukoll l-interventi ta’ dawk li kienu fuq il-panel, bl-ekonomista Kearon Bruno qal li l-ekonomija qed tkompli tirrendi f’riżultati li qed jiġu mfaħħra b’mod konsistenti minn istituzzjonijiet internazzjonali. Spega kif minkejja l-isfidi globali kbar, il-Gvern wera reżiljenza billi investa fin-nies, miżuri li qed iħallu iktar flus f’idejn il-familji.

Is-soċjologu Professur Godfrey Baldacchino qal li s-soċjetà tal-lum evolviet b’mod sinifikanti, b’familji li huma dejjem aktar diversi u mħallta kemm fil-kultura kif ukoll fil-lingwa. Dwar l-isfida klimatika, il-Prof. Baldacchino qal li għandu jitħejja pjan ta’ kontinġenza li tfassal biex il-pajjiż ikun ippreparat aħjar għall-effetti tat-tibdil fil-klima.

Il-lettur dwar il-management Lisa Cassar Shaw irreferiet għall-importanza tal-għarfien diġitali u semmiet l-investiment tal-laptops b’xejn għall-istudenti li qed jgħin biex ebda tifel jew tifla ma jaqgħu lura. Innutat id-deċiżjonijiet tal-Gvern li radd lura postijiet bħal Manoel Island u l-White Rocks biex il-familji jgawduhom għas-saħħa fiżika u mentali.

L-għalliema u influencer Stephanie Rodgers qalet li huwa essenzjali li fl-iżvilupp soċjali tat-tfal ikun hemm aċċess limitat għas-social media, filwaqt li saħqet il-ġenituri għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal f’attivitajiet kulturali biex isaħħu l-identità tagħhom, fosthom il-lingwa Maltija.

Fl-interventi mill-udjenza, l-avukat Deborah Schembri saħqet fuq l-importanza li l-politika tirrifletti l-umanità u s-sensittività f’mumenti diffiċli bħall-miscarriages u l-kura tat-tfal.

Ruth Sciberras bħala Chair ta’ Positive Parenting Malta rreferiet għas-servizzi bla ħlas biex terapisti jgħinu lill-ġenituri li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli fit-trobbija bħal miscarriage jew problemi fir-relazzjonijiet tal-koppji.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-ħaddiema qed jingħataw għajnuna biex isaħħu l-ħiliet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom biex iżommu wkoll mal-pass ekonomiku.

Il-pensjonanta Miriam Facciol qalet li sena wara l-oħra żdiditilha l-pensjoni u bosta servizzi fil-komunità għall-anzjani, kif ukoll għadd ta’ servizzi tas-saħħa b’xejn, li qed jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.

Il-Manager f’childcare centre Dorianne Buhagiar laqgħet l-aħbar tal-ftehim ġdid għas-servizz b’xejn taċ-childcare u qalet li ċ-childcare centres huma post sigur għall-ġenituri b’attivitajiet adattati li qed jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-investiment fil-familja huwa importanti għax hija n-nukleju tas-soċjetà. Semma li diġà twettqu 27 miżura soċjali b’€165 miljun matul dan ix-xahar biex il-familji jkollhom kwalità tal-ħajja aħjar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport