Sunday, March 29, 2026

Il-Prim Ministru jħabbar iktar miżuri biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies

Aqra wkoll

Iktar investiment fis-setturi tas-saħħa, l-ambjent u s-soċjal.Garanzija ta’ stabbiltà lill-familji u n-negozji bis-sussidju tal-enerġija. Il-Ħelsien hija ċelebrazzjoni tan-newtralità li qed tissarraf f’sigurtà u prosperità

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li fiż-żmien li ġej se jsiru għadd ta’ proġetti ġodda bħala parti mill-ħidma tal-Gvern biex ikompli jinvesti fil-familji u fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.  Dr Abela qal dan fl-isfont tar-raba’ sena ta’ din il-leġislatura, meta diġà ġew implimentati 82% tal-proposti fil-manifest elettorali.

Intervistat minn Massimo Axisa, Dr Abela tkellem dwar investimenti strateġiċi fil-qasam tas-saħħa li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom il-bini tad-Dipartiment tal-Emerġenza ġdid fl-Isptar Mater Dei, sptar ġdid għas-saħħa mentali biswit Mater Dei u l-isptar ta’ 300 sodda għall-kura intermedjarja f’San Vinċenz de Paul. Qal li dawn il-proġetti se jtejbu l-kura offruta lill-pazjenti u jnaqqsu l-pressjoni fuq l-infrastruttura eżistenti tal-isptar Mater Dei, filwaqt li jkomplu jqiegħdu lill-pazjent fiċ-ċentru tas-servizz tas-saħħa.

Il-Prim Ministru rrefera għall-pass importanti lejn sostenibbiltà ambjentali bl-elettrifikazzjoni tal-flotta kollha tal-karozzi tal-linja f’Għawdex.  Semma l-proġetti ta’ Manoel Island, Forti Tigné, il-White Rocks, il-Forti Campbell u l-Forti San Salvatur li se jsiru fiż-żmien li ġej.  Sostna li l-Gvern qed iħabbar proġett ambjentali kull ġimgħa, u kkritika lill-Oppożizzjoni li l-ewwel qalet li mhux isiru proġetti ambjentali, u issa qed tbiddel id-diska u tgħid li dawn huma biss eżerċizzju ta’ propoganda.

Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jżid l-aċċess għall-akkomodazzjoni affordabbli b’4 proġetti ġodda b’postijiet li se jinbiegħu bi 30% inqas tal-prezz tas-suq. Qal li se jitħabbru iktar miżuri f’dan il-qasam biex iktar familji jsiru sidien ta’ darhom.

Dr Abela fakkar kif mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura l-pajjiż kellu jiffaċċja pandemija u l-konsegwenzi tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, kif ukoll tensjonijiet ġodda fil-Lvant Nofsani u l-Golf Għarbi. Dwar is-sitwazzjoni ġeopolitika kurrenti, il-Prim Ministru wissa b’riperkussjonijiet kawża tal-kunflitti internazzjonali se jibqgħu jinħassu, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Spjega kif il-Gvern għandu r-riżorsi u r-rieda biex ikompli jsostni lill-familji u n-negozji bis-sussidju tal-kontijiet tad-dawl u l-fjuwils.

Spjega li f’dan il-kuntest diffiċli, filwaqt li ħafna pajjiżi Ewropej għaddew il-piż tal-kriżijiet fuq iċ-ċittadini tagħhom, il-Gvern Malti għażel triq differenti billi żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u pproteġa lill-familji u n-negozji minn żidiet qawwija fl-għoli tal-ħajja.

Huwa enfasizza li din id-deċiżjoni kienet kruċjali biex Malta żżomm sens ta’ stabbiltà ekonomika u soċjali, u b’hekk tibqa’ reżiljenti quddiem żviluppi internazzjonali li jinsabu lil hinn minn xtutna. F’dan il-kuntest, sostna li l-ekonomija Maltija kompliet tikber u tilħaq livelli ta’ ġid nazzjonali komparabbli ma’ pajjiżi bħall-Iżvezja, fatt li qed jippermetti lill-Gvern ikompli jinvesti fis-servizzi essenzjali u jsaħħaħ is-sostenn lill-familji.

Dr Abela rrefera għall-biljun ewro f’għajnuna li ngħatat lin-nies bħala sussisdju tal-enerġija u qal li l-Oppożizzjoni għandha diffikultà li m’għandhiex il-ħila timmaniġġja l-ekonomija u mhix kapaċi tiġġenera l-ġid, għax bil-politika tal-Partit Nazzjonalista jkun ifisser li l-introjtu mit-taxxi jonqos u l-benefiċċji soċjali ma jkunux sostnuti, kif ġara qabel l-2013 meta Gvern Nazzjonalista kien iħaddan politika t’awsterità.  Il-Prim Ministru qal li b’kuntrast ma’ dak li ġara iktar minn 13-il sena ilu, illum il-ġurnata n-nies moħħhom mistrieħ li Gvern Laburista se jibqa’ jwieżen lin-nies.

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll l-importanza tal-aspett soċjali u solidarjetà fil-komunità, u rringrazzja lill-għaqdiet volontarji bħal Fondazzjoni Karl Vella, Puttinu Cares u Fondazzjoni Richmond għall-ħidma tagħhom ma’ persuni vulnerabbli. Qal li l-Gvern se jkompli jappoġġja dawn l-organizzazzjonijiet permezz ta’ għajnuna finanzjarja u kollaborazzjoni konkreta biex jissaħħaħ il-ġid soċjali.

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru appella għall-paċi u d-diplomazija li qal huma importanti għall-prosperità ta’ dan il-pajjiż.  Enfasizza l-importanza tan-newtralità ta’ Malta u l-fatt li m’għandniex bażi militari f’pajjiżna tiddistingwina minn pajjiż bħal Ċipru li qiegħed f’sitwazzjoni ekonomika prekarja minħabba li kien fil-mira ta’ attakk mill-Iran riżultat tal-bażi militari Ingliż li hemm f’din il-gżira Mediterranja.  Qal li s-soluzzjonijiet għall-gwerer hija l-mejda tad-diplomazija u għalhekk li pajjiżna tradizzjonalment u riċenti ospita laqgħat għax huwa sigur u għandu privileġġ li jippromwovi l-paċi. 

Il-Prim Ministru spjega kif investituri barranin qed iħarsu lejn is-sigurtà u qed jaraw fejn se jirrilokaw l-investiment tagħhom, filwaqt li t-turisti qed iħarsu lejn pajjiżna għax huwa pajjiż sigur għall-btajjel tagħhom.  Dr Abela fakkar fis-sinifikat ta’ Jum il-Ħelsien, li llum huwa iktar relevanti fl-isfont tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, u appella biex nhar it-Tnejn fis-6.30 ta’ filgħaxija kulħadd ikun il-Birgu biex niċċelebraw kif in-newtralità llum qed tagħtina sigurtà u prosperità għal pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport