Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li wara Manoel Island u l-White Rocks, se jkun qed jagħti sit ieħor għat-tgawdija tan-nies li huwa Fort Campbell fil-limiti ta’ Selmun, fit-Tramuntana ta’ Malta. F’intervista mal-editur ta’ Times of Malta Herman Grech, Dr Abela fisser li wara l-proġetti ambjentali massivi ta’ Manoel Island u l-White Rocks biex isiru parks, fl-aħħar jiem ħaseb fit-tielet sit li għandu jingħata lin-nies ta’ Fort Campbell, li se jiġi restawrat u se jsir post għar-rilassament għall-familji Maltin u Għawdxin.
Spjega kif dawn il-proġetti huma possibbli li jsiru għax pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha, tant li se noħorġu minn proċedura ta’ defiċit eċċessiv qabel iż-żmien stipulat mal-Kummissjoni Ewropea. Sostna li filwaqt li s-26 mexxejja Ewropej qed jaraw kif se jattiraw investiment lejn pajjiżhom, l-ekonomija Maltija qed tibqa’ tikber tant li l-Gvern se jagħti b’kemm jiswew €9.3 miljun f’miżuri permezz tal-Budget għas-sena d-dieħla.
Il-Prim Ministru qal li n-nies laqgħu b’mod pożittiv il-Budget, għax huwa l-iktar budget li se jħalli flus fil-bwiet tagħhom. Spjega kif fl-ewwel xahar tas-sena d-dieħla n-nies se jibdew jesperjenzaw it-tax cut li timmassimizza ruħha fi tliet snin u fuq medda ta’ 25 sena koppja middle class se tiffranka mal-€250,000.
Il-prijorità tal-Gvern se tibqa’ li jkompli jtejjeb il-qagħda tan-nies
Dr Abela qal li s-sentiment reali tal-poplu jesperjenzaha kuljum, bil-laqgħat li jkollu man-nies, kemm meta jiltaqa’ mal-familji, mal-anzjani u man-negozji, u kwantità kbira ta’ nies qed jgħidulu kemm qed jingħataw spinta aktar minn dak li antiċipa li kienet se tkun ir-reazzjoni għall-Budget.
Sostna li l-poplu baqa’ jemmen li huwa l-Partit Laburista li jista’ jindirizza l-isfidi tal-pajjiż u l-prijorità tal-Gvern se tibqa’ li jkompli jtejjeb il-qagħda tan-nies, b’edukazzjoni aħjar, iktar ħin tar-rilassament, u titjib fil-kwalità tal-ħajja. Fisser li waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Malta Vision 2050 hija tal-kejl tas-sodisfazzjon tal-ħajja u għalhekk il-Gvern se jkompli jaħdem biex jindirizza l-isfidi fost l-oħrajn tal-akkomodazzjoni affordabbli, it-traffiku, u l-ħaddiema barranin.
Mistoqsi dwar il-ħaddiema barranin, il-Prim Ministru wieġeb li l-għan tal-Labour Migration Policy huwa li jkollna ħaddiema barranin fis-setturi fejn hemm biss meħtieġ. Kompla jgħid li din il-policy se tobbliga li ħaddiema barranin ikollhom għarfien ta’ pajjiżna fosthom tal-lingwa u min iħaddem mhux se jitħalla jerġa’ jdaħħal ħaddiema ġodda jekk ikeċċi lil dawk li jkun impjega. Irrefera għall-AI bħala għodda importanti biex tindirizzata l-isfida tal-ħaddiema barranin. Ġab l-eżempju ta’ dar tal-anzjani privata li qed tiżviluppa proġett pilota ta’ constant watch biex flok iżżid il-ħaddiema barranin fil-qasam tal-kura tas-saħħa, tesplora li tuża l-AI mingħajr ma jikkomprometti l-kwalità tas-servizz.
Dr Abela qal li l-Gvern qed jagħti prijorità lill-proġetti tal-bini tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-Isptar tas-Saħħa Mentali biswit Mater Dei, it-tkomplija tat-trakka ta’ Ħal Far, u t-tlestija tal-korsa taż-żwiemel. Żied li jrid li l-Gvern immexxi minnu jibqa’ mfakkar għal proġetti oħrajn bħar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, u t-tliet proġetti ambjentali ta’ Manoel Island, White Rocks, u Fort Campbell, u għalhekk se jkun iffukat fuq it-twettiq tagħhom fiż-żmien li ġej.
Dr Abela qal li t-toqol tas-siġġu ta’ Prim Ministru tifhem xi jfisser meta tkun erfajtu u r-responsabilità ma teħfiefx ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Qal li l-Gvern irid ikompli jkabbar l-ekonomija tal-pajjiż biex issostni miżuri bħat-tax cut u miżuri oħrajn fl-isfont ta’ sfidi internazzjonali li qed iseħħu lil hinn minn xtutna.

