Thursday, November 20, 2025

Il-Prim Ministru jħabbar strateġija nazzjonali aġġornata dwar l-AI

Aqra wkoll

Strateġija li taħdem id f’id mal-Viżjoni Malta 2050 

“Għandna l-potenzjal li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies bit-teknoloġija”

Ir-rata ta’ negozji f’Malta li jużaw l-AI taqbeż il-medja tal-UE

“Aħna mhux biss qed nitkellmu fuq il-futur. Il-futur qed nibnuh u niffurmawh aħna. Kuntent li għal darb’oħra huma ż-żgħażagħ il-katalisti ta’ din il-bidla. Huwa għalhekk li Malta qiegħda qabel ħafna nazzjonijiet oħra fit-tħejjija għall-Intelliġenza Artifiċjali (AI). Illum qed nagħtu pass kbir ieħor. Mhux biss qed inkomplu l-ħidma tagħna imma saħansitra qed naċċellerawha. Qed nipprepraw lil Malta għall-ġenerazzjoni li jmiss.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri li kienet miftuħa għan-nies fl-MFCC, Ta’ Qali, waqt li qed tittella’ t-TechXpo. Laqgħa li matulha l-Prim Ministru ħabbar konsultazzjoni pubblika nazzjonali ġdida li se tiftaħ dwar strateġija aġġornata li għandu l-Gvern għall-AI.

Fl-indirizz tiegħu, Dr Abela fisser kif pajjiżna kien diġà pro-attiv meta seba’ snin ilu kien wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li nieda strateġija nazzjonali dwar l-AI. Ħames snin qabel l-għeluq ta’ din l-istrateġija, pajjiżna diġà implimenta 80% minnha.

Il-Prim Ministru qal li f’dinja li tinbidel kontinwament u f’settur li jagħmel avvanzi ġodda kuljum, il-Gvern qed iniedi strateġija aġġornata. Din l-istrateġija aġġornata taħdem id f’id mal-Viżjoni Malta 2050 li timbotta ’l quddiem l-inklużjoni soċjali u l-progress ekonomiku li minnu jgawdi kulħadd. 

L-istrateġija tippreżenta miżuri aġġornati sabiex is-settur tal-AI ma jkunx marbut biss mal-aspett ekonomiku imma jservi wkoll biex tkompli tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Prim Ministru sostna li Malta għandha track record, l-investiment u r-rieda biex tibqa’ miexja ’l quddiem fi prosperità ġdida li tagħti futur għal uliedna. Spjega li l-AI għandha tkun għodda ta’ kulħadd u li b’mod tanġibbli tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies. 

“Għalhekk fil-Budget li preżentajna ressaqna viżjoni ta’ AI għal kulħadd, biex nagħtu l-ħiliet meħtieġa ħalli kulħadd jirnexxi”, qal il-Prim Ministru hu u jinnota l-fond ta’ €100 miljun fl-AI u miżuri oħra mħabbra mill-Gvern fil-Budget għall-2026 favur it-trasformazzjoni diġitali. 

Fil-laqgħa tal-Kabinett li fiha intervjenew bosta professjonisti u nies mill-oqsma tal-ekonomija diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Malta trid issir l-aktar pajjiż AI-friendly fl-Ewropa. Qal li huwa għalhekk li rridu li kulħadd ikollu l-għodda neċċessarji biex jieħu vantaġġ mit-teknoloġiji ġodda. Fisser kif l-AI mhux qiegħda hemm biex tieħu xogħol in-nies iżda biex ittejjeb l-operat tal-ħaddiema tagħna u toħloq karrieri ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tax-xogħol aqwa. L-AI ittejjeb ukoll il-ħidma u l-kwalità tas-servizzi offruti fl-oqsma ewlenin tal-ħajja, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent. 

Irrimarka li rridu dak pożittiv mit-teknoloġija filwaqt li nwarrbu dak negattiv. “Uliedna jrid jibqgħu wlied b’moħħ liberu u kreattiv. Aħna Gvern progressiv li nemmnu fil-potenzjal tat-teknoloġija u fejn kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru spjega li pajjiżna issa għandu bażi ekonomika soda biex ikompli jkattar is-suċċess ta’ dawn in-niċeċ ekonomiċi ġodda u joħloq aktar ġid. Fil-fatt, id-Digital Economy and Society Index (DESI) juri li r-rata ta’ negozji f’Malta li jużaw l-AI taqbeż il-medja tal-Unjoni Ewropea. 

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-teknoloġija u l-AI tagħti opportunità lil Malta tkompli ssostni t-tkabbir ekonomiku li rreġistrat fl-aħħar snin, b’anqas użu intensiv tal-art u mingħajr il-bżonn ta’ ħafna ħaddiema ġodda. 

Irrimarka li l-esperti internazzjonali, fosthom il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), jaqblu li Malta tinsab f’pożizzjoni tajba biex tgawdi mill-iżvilipp tal-AI u kif pajjiżna kapaċi jiżviluppa l-AI b’mod effettiv u jisfrutta l-vantaġġi li toffri. Dr Abela semma wkoll li l-IMF innota li kważi żewġ terzi tal-ħaddiema f’pajjiżna għandhom ħiliet diġitali bażiċi jew ftit aktar. Hawn issemma wkoll l-e-Government Benchmark, rapport tal-Kummissjoni Ewropea li ta ċertifikat eċċellenti lil Malta fejn jidħol dan is-settur. 

Techxpo qed issir bejn l-20 u t-22 ta’ Novembru 2025 ġewwa l-MFCC, Ta’ Qali u fiha qed jieħdu sehem bosta intrapriżi lokali li jispeċjalizzaw fit-teknoloġija, l-Intelliġenza Artifiċjali u l-qasam diġitali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport