Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti għall-Viżjoni Malta 2050 Ronald Mizzi, laqgħu ħdax-il tifel u tifla f’Kastilja, f’laqgħa li matulha ġew imressqa proposti marbutin mal-Viżjoni Malta 2050. Il-proposti mressqa mit-tfal huma bbażati fuq is-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli. Huma kienu akkumpanjati minn Kapijiet Eżekuttivi ta’ kumpaniji li jgħaqqdu l-MESGA.
Il-Prim Ministru rrimarka li, “Il-Viżjoni Malta 2050 qed tinħadem bl-għan aħħari proprju li pajjiżna jitgawda minn dawn it-tfal li għada pitgħada se jkunu huma l-ġenerazzjonijiet futuri. Il-proposti ta’ dawn it-tfal ikomplu jsaħħu x-xogħol li għaddej ta’ kuljum b’rabta mal-Viżjoni u nifraħ lill-MESGA għall-mod ta’ kif iżewwaq il-ħidma bejn Kapijiet Eżekuttivi u tfal, għax dan ifisser b’mod ċar li qed nisimgħu lil uliedna dwar x’pajjiż jixtiequ jaraw.”
Il-Ministru Clifton Grima qal li, “Illum rajna eżempju ta’ kif l-edukazzjoni ma tfissirx biss li wieħed jitgħallem minn ktieb jew minn klassi, imma wkoll li tfisser li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jkunu parti minn proċessi ta’ deċiżjoni u viżjoni għall-pajjiż tagħhom. Il-Viżjoni Malta 2050 qed tagħmel l-edukazzjoni ċ-ċavetta għat-tkabbir sostenibbli u għall-kwalità ta’ ħajja aħjar, u dawn il-proposti konkreti minnkom it-tfal jgħinuna nindirizzaw l-isfidi tal-lum u nippreparaw għall-futur ta’ pajjiżna.”
Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi qal, “Dawn il-proposti jħabbtuha sew ma’ proposti oħra li nisimgħu mingħand entitajiet u partijiet oħra, hekk kif bħalissa għaddej il-proċess ta’ konsultazzjoni, b’serje ta’ laqgħat differenti. Għalkemm dawn il-proposti ġejjin minn etajiet żgħar, huma proposti validissimi għall-Viżjoni Malta 2050.”
It-tfal ippreżentaw il-pubblikazzjoni ‘Isimgħuna’ lill-Prim Ministru li tiġbor fiha l-proposti tagħhom, li ħarġu mill-konferenza li saret f’Novembru 2024, u li ġew ukoll ippreżentati fin-Nazzjonijiet Uniti. Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta ċertifikat lit-tfal, għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni lejn il-Viżjoni għal Malta 2050.
Il-MESGA ġiet imwaqqfa fl-2022, bil-għan li tixpruna l-ħidma f’Malta lejn is-17 il-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli, maqbula bejn in-Nazzjonijiet Uniti. L-Alleanza hija tiżwiqa ta’ Kapijiet Eżekuttivi minn kumpaniji prominenti f’Malta u hija kommessa lejn it-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-ekwità soċjali fl-isfond tal-istrutturi tal-governanza.