Monday, November 24, 2025

Il-Prim Ministru jinawgura Casa Giuseppe – investiment ta’ €6.4 miljun li joffri dinjità u kwalità ta’ ħajja lill-anzjani f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, inawgura Casa Giuseppe, dar ġdida għall-kura u l-irtirar li tinsab fil-qalba tar-Rabat, Għawdex. Dan l-investiment privat ta’ aktar minn €6.4 miljun qed joffri faċilità moderna li tgħaqqad il-kumdità tal-anzjani mal-ogħla standards ta’ sigurtà li għandu jkollha dar residenzjali.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jara diversi sezzjonijiet tar-residenza, fosthom il-kmamar li fihom jgħixu r-residenti mgħammra bl-aħħar teknoloġija u l-aqwa faċilitajiet. Din ir-residenza għandha wkoll rooftop garden, spazju miftuħ iddisinjat biex joffri ambjent ta’ serenità u kuntatt man-natura għar-residenti. Il-binja nnifisha ġiet mibnija b’enfasi fuq is-sostenibbiltà u bi spazju attrezzat għas-serħan tas-saħħa mentali.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll l-opportunità li jpoġġi u jitkellem mar-residenti fil-‘Każin’- fiż-żona komuni fejn l-anzjani jiltaqgħu għall-attivitajiet organizzati għalihom kuljum. Hawnhekk seta’ jisma’ l-esperjenzi tagħhom u japprezza l-atmosfera li toffri din id-dar. Casa Giuseppe, li se tilqa’ fiha 121 persuna u tħaddem aktar minn 90 professjonist, hija xhieda oħra ta’ kif is-settur tal-kura qed ikompli jikber biex joffri servizzi li jagħtu l-aqwa kura lill-anzjani b’mod personalizzat filwaqt li jżommu d-dinjità tagħhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li investimenti bħal dawn, anke mis-settur privat, huma kruċjali għall-viżjoni tal-Gvern lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani. “Illum qed naraw xhieda ta’ kif investiment f’Għawdex mhux biss qed joħloq ix-xogħol, iżda qed jipprovdi serħan il-moħħ u dinjità lill-anzjani tagħna. Din id-dar mhijiex biss binja, iżda hija komunità ħajja fejn ir-residenti jibqgħu attivi u inklużi fis-soċjetà”, stqarr il-Prim Ministru. Huwa żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja inizjattivi li jpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru tal-kura.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport