Thursday, March 12, 2026

Il-Prim Ministru jinawgura faċilità tal-Obstacle Course Academy

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, ilbieraħ żar il-faċilitajiet tal-Obstacle Course Academy (OCA) fl-Imrieħel, fejn iltaqa’ ma’ tfal u ġenituri li jattendu l-akkademja u tkellem magħhom dwar l-esperjenza tagħhom f’dan l-isport.

Imwaqqfa fl-2020 minn Ivan Gauci u Alex Tanti, l-OCA għandha l-għan li tħeġġeġ kemm lit-tfal kif ukoll lill-adulti jadottaw stil ta’ ħajja aktar attiv. Matul is-snin l-akkademja kibret f’komunità b’saħħitha ta’ atleti li saħansitra qed jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Abela enfasizza l-importanza tal-isport. Huwa qal li l-ispirtu sportiv itejjeb il-kwalità tal-ħajja u jgħin biex jinbnew valuri b’saħħithom bħad-dixxiplina, id-determinazzjoni u r-reżiljenza.

Il-Prim Ministru sostna l-impenn tal-Gvern biex ikompli jmexxi ’l quddiem miżuri biex aktar nies jinvolvu ruħhom fl-attività fiżika, fejn anke għamel referenza għal-iskema tas-sitt xhur gym bla ħlas, li minn din is-sena ġiet estiża għal żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru u l-fundaturi tal-akkademja kixfu plakka kommemorattiva. Numru ta’ atleti mill-istess l-akkademja taw ukoll dimostrazzjoni tal-ħiliet tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport