Saturday, December 21, 2024

Il-Prim Ministru jinawgura l-uffiċċju ċentrali ta’ servizz.gov

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi

Il-Prim Ministru, akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, inawgura l-uffiċċju ċentrali ta’ servizz.gov li jinsab ġewwa l-Mosta. Il-Prim Ministru Robert Abela qal: “Bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju ċentrali se nkomplu nimmiraw għal aktar titjib, fejn filwaqt li nżommu livell ta’ kwalità eċċellenti rridu nkomplu nifirxu s-servizz tagħna.”

Abela qal li servizz.gov huwa xhieda ta’ servizz pubbliku li verament qiegħed hemm għan-nies. “In-nies li bħala gvern tant għandna għall-qalbna u li huma fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Servizz li qabel xejn huwa wieħed ta’ kwalità li huwa disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat’ijiem fil-ġimgħa u aċċessibbli minn kullimkien.” Huwa qal li biex isir dan kollu kien jeħtieġ impenn qawwi, teħid tad-deċiżjonijiet u aktar minn hekk dedikazzjoni.

Żied jgħid:“Il-burokrazija żejda kienet xi ħaġa li konna nħossuha u mhux biss kienet ta’ detriment fuq in-nies imma anke fuq min kien iħares lejn pajjiżna biex jinvesti. Mill-2014 ‘il hawn twettqu ‘l fuq minn 950 miżura ta’ simplifikazzjoni tal-proċessi b’servizz.gov iservi bħala katalista biex dawn setgħu jitwettqu,” qal Abela filwaqt li żied jgħid li servizz.gov illum qed joffri aktar minn 1500 servizz taħt saqaf wieħed.

Il-Prim Ministru aċċenna għal fatt ieħor importanti li huwa l-fatt li hemm fiduċja fis-servizz u li dan qed jiġi użat. Huwa qal li fi kważi 5 snin aktar minn 300,000 persuna żaru xi wieħed mit-23 hub madwar il-pajjiż bl-aħħar tliet xhur kien hemm aktar minn 60,000 persuna li żaru dawn l-uffiċċji. Apparti minn hekk mill-2016 ‘il hawn waslu ‘il fuq minn 40,000 email u din is-sena se jkunu saru viċin il-miljun telefonata fuq il-freephone. Dan kollu filwaqt li minn nofs is-sena 2017 sal-lum kien hemm aktar minn 3 miljun hit fuq is-sit elettroniku hekk kif ħafna qed jidħlu online biex jużaw is-servizzi kollha illi jkunu meħtieġa.

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Abela qal: “Nemmen li hemm bżonn nesploraw bis-saħħa t-teknoloġiji emerġenti biex inqarbu dejjem aktar is-servizz lejn in-nies. Dawn it-teknoloġiji jiftħu diversi orizzonti ġodda u jwessgħu l-mod ta’ kif naħsbu li wieħed irid jimraħ fihom. Servizz.gov irid jibqa’ ta’ eżempju mhux biss għal dipartimenti tal-gvern l-oħra iżda irid iservi ta’ benchmark għall-privat.”

Is-Segretarju Permanenti Mario Cutajar Mario qal li servizz.gov mill-bidu rieduh jenfasizza l-kwalità u għall-ewwel darba l-kwalità ma baqgħetx retorika. Huwa qal li apparti minn hekk riedu li servizz.gov ikollu l-polz tas-suq f’idejh. Huwa semma’ kif seba’ snin ilu bdew b’żewġ entitajiet biex is-servizz pubbliku jbidluh mil-lejl għan-nhar b’mod li jkun eqreb lejn iċ-ċittadin. Cutajar semma kif ħarġu b’viżjoni waħda sempliċi –  servizz pubbliku 24 siegħa kuljum, il-ġimgħa kollha, is-sena kollha b’mod aċċessibbli minn kulħadd u minn kullimkien. 

Huwa żied jgħid li l-klijent, kemm dak estern kif ukoll intern, jibqa’ l-mira ewlenija tagħhom. Cutajar qal li servizz.gov sploda f’ħames snin hekk kif bdew b’ħames hubs u dawn kibru għal 23 hubs. Huwa qal li biex jilħqu l-viżjoni tagħhom kien jeħtiġilhom li jkun hemm investiment qawwi u bla preċedent fejn tidħol it-teknoloġija tant li ġew investiti €150 miljun f’dawn l-aħħar ħames snin. Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċċju ċentrali kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov Massimo Vella. 

Ekonomija

Sport