Tuesday, May 14, 2024

Il-Prim Ministru jipparteċipa f’laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej f’Versailles

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa f’laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej f’Versailles, Franza.

Din il-laqgħa ffukat fuq l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna, fejn wara li fl-aħħar jiem ġew adottati sanzjonijiet b’saħħithom u l-Unjoni Ewropea tat l-għajnuna mill-European Peace Facility, ġie maqbul li din l-għajnuna tissaħħaħ b’nofs biljun ewro ieħor.

Il-Prim Ministru tenna l-appell għall-paċi u l-waqfien mill-ġlied mill-aktar fis. Flimkien mal-pajjiżi l-oħra, Malta se tkun qed tikkontribwixxi ukoll fil-European Peace Facility, li permezz tagħha se jintefqu flus fl-Ukrajna iżda bis-salvagwardja li dan il-kontribut jintuża biss b’mod li jirrispetta l-Kostituzzjoni ta’ Malta, li jfisser li dan il-kontribut ma jkunx użat biex jiġu fornuti armamenti.

Dwar is-sħubija tal-Ukrajna, skont il-provedimenti tat-trattat, il-mexxejja qablu unanimament li tintalab opinjoni lill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li nnottaw b’mod pożittiv li f’dan il-mument delikat l-Ukrajna ħarset li ssir parti mill-familja Ewropea.

Temi oħra indirizzati kienu l-enerġija u l-ekonomija.

Hawn il-Prim Ministru spjega fuq l-importanza ta’ investiment fuq l-infrastruttura tal-enerġija, inkluż bit-tlestija tal-infrastruttura tal-gass. “Irridu naraw li tonqos id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq pajjiżi terzi, inkluż ir-Russja u tiżdied l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fis-settur tal-enerġija. Għaldaqstant, importanti li Malta u Ċipru ma jibqgħux mhux imqabbdin mas-sistema ta’ gass Ewropea, u rridu nikkumplimentaw l-investiment fl-enerġija rinovabbli b’investimenti f’hydrogen-ready pipeline li jgħaqqadna mal-bqija tal-kontinent.”

Sport