Saturday, December 21, 2024

Il-Prim Ministru jżur iċ-Ċentru ta’ Riżorsa Dun Manwel Attard fil-Wardija

Aqra wkoll

“Impressjonat bis-servizz u bl-imħabba li qed tingħata lill-istudenti ta’ din l-iskola” – il-Prim Ministru Robert Abela

Wara li f’lejliet il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà, il-Prim Ministru Robert Abela stieden lil Naomi Pace Gasan sabiex issegwi mill-viċin il-ħidma li ssir fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, illum kien imiss lil Dr Abela li żar l-iskola ta’ Naomi fil-Wardija.

Iċ-Ċentru ta’ Riżorsa Dun Manwel Attard fil-Wardija, li jagħmel parti mill-Kulleġġ Marija Reġina, jilqa’ fih madwar mitt student u l-età ta’ dawn iż-żgħażagħ tvarja bejn is-16 u l-21 sena. L-iskola toffri opportunitajiet akkademiċi, vokazzjonali u extra-kurrikulari tal-ogħla kwalità lil studenti b’ħiliet differenti filwaqt li toffri wkoll bosta opportunitajiet ta’ taħriġ fid-dinja tax-xogħol.

Filwaqt li Naomi dawret lill-Prim Ministru maċ-Ċentru ta’ Riżorsa Dun Manwel Attard u wrietu kif tqatta’ l-jum tagħha, Dr Abela seta’ jisma’ iżjed dwar kif l-amministrazzjoni u l-istaff jaħdmu id f’id biex joffru lill-istudenti l-aħjar esperjenza edukattiva tant bżonnjuża biex jgħixu ħajja indipendenti bi prospetti wkoll ta’ xogħol adattat.

Il-kulleġġ joffri s-suġġetti tradizzjonali bħal PSCD, edukazzjoni fiżika u ICT iżda wkoll suġġetti oħra bħall-ġardinaġġ, żfin, work exposure u xogħol tal-fuħħar. L-iskola tagħmel ħilitha biex toffri wkoll terapija relatati mal-arti, id-drama u anke permezz tal-annimali, fosthom żwiemel, klieb u anke fniek. L-istudenti jimxu mal-objettivi edukattivi li huma offruti mil-Learning Outcomes Framework u anke l-Achieve Programme biex fejn hu possibbli l-istudenti jakkwistaw ħiliet utli għad-dinja tax-xogħol bl-appoġġ neċessarju. 

L-iskola hija involuta f’ħafna attivitajiet varji, fosthom ambjentali u intraprenditorjali u anke rebħet bosta premji f’dawn is-setturi għaliex hija ħafna attiva fil-komunità u fost l-attivitajiet li tagħmel, l-istaff iħarreġ l-istudenti biex jippreparaw souvenirs għal tiġijiet, u bosta oġġetti oħra li jistgħu jingħataw bħala tifkira. L-iskola hija kkunsidrata wkoll l-ewwel skola organika f’Malta.

Il-Prim Ministru qal li jinsab impressjonat bis-servizz u d-dedikazzjoni li juru l-istaff kollu ta’ din l-iskola. “Huwa kruċjali li nassiguraw tranżizzjoni komda għall-istudenti kollha li jtemmu l-edukazzjoni tagħhom f’din l-istituzzjoni edukattiva sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u joffru s-sehem dirett tagħhom fis-soċjetà”, stqarr Dr Abela.

Il-Kap tal-Iskola Nicholas Agius irringrazzja lill-gvern tal-għajnuna li dejjem ta sabiex l-iskola topera b’effiċjenza. Is-Sur Agius stqarr li din l-iskola hija eżempju ħaj ta’ kif persuni b’diżabbiltà kapaċi jintegraw fid-dinja tax-xogħol u jsiru iżjed indipendenti f’dak kollu li jagħmlu.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana enfasizzat l-importanza tal-inklużjoni fis-sistema edukattiva u qalet li ċ-Ċentru tal-Wardija huwa eżempju ieħor ta’ hekk. “F’dan iċ-ċentru hemm ħidma koordinata li qed twassal għall-ogħla livell possibbli ta’ tagħlim u edukazzjoni wesgħin għall-ħajja, f’ambjent trankwill fejn kull student u studenta huma inklużi. Din il-ħidma twassal ukoll għall-għarfien ta’ kull student biex jiżviluppa f’ċittadin parteċipanti, li jirrispetta lilu nnifsu u jappoġġja lilu nnifsu skont il-kapaċitajiet u l-bżonnijiet tiegħu”, qalet il-ministru.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod kif dawn l-istudenti b’mod tanġibbli qed ikunu inklużi fis-sistema edukattiva u qed ikunu mħejjija għad-dinja tax-xogħol minn aspetti differenti. “It-tagħlim hands-on hu l-akbar għodda li qed jingħataw għax joffrilhom togħma tad-dinja tax-xogħol”, sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Ekonomija

Sport