Saturday, November 2, 2024

Il-Prim Ministru jżur il-bini ta’ Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żaru s-sit ta’ kostruzzjoni fejn qed jinbena ċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fil-Belt Victoria, Għawdex.

Dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €9 miljun mistenni jkun lest sas-sena dieħla, u se jinkludi pixxina ta’ daqs Olimpiku u numru kbir ta’ faċilitajiet sportivi indoor.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan hu gvern li mhux biss jemmen fl-isport, imma qed juri biċ-ċar li se jkompli jinvesti f’Għawdex, fl-Għawdxin u fiż-żgħażagħ tagħna bl-għan li jkomplu jilħqu l-aspirazzjonijiet f’ħajjithom.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li mhux biss se nagħmlu pixxina nazzjonali, imma diversi faċilitajiet sportivi li mhux biss se jkunu jistgħu jintużaw u jitgawdew mill-poplu Għawdxi, iżda permezz tagħhom Għawdex se jibda jattira lejh turiżmu sportiv.

Il-Perit Godwin Sultana kien responsabbli mill-proġett ta’ preżentazzjoni, fejn matulha spjega fiex se jkun jikkonsisti dan il-proġett u x-xogħol kollu li qiegħed isir fuq is-sit.

Bħalma tħabbar fil-Baġit 2021, dan il-gvern huwa kommess li jwettaq dan il-proġett li ilu tant mistenni mill-Għawdxin, b’mod partikolari minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-isport.

Sport