Monday, December 23, 2024

Il-Prim Ministru jżur il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, żar il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera fejn tkellem u ltaqa’ mal- ħaddiema tal-post li jaqgħu taħt l-aġenzija Sport Malta. 

Din l-entità governattiva għall-isport għandha missjoni li tippromwovi u tiżviluppa l-isport u l-attività fiżika f’pajjiżna. Fil-preżent Sport Malta timpjega 95 ħaddiem full-time u 350 part-time. 

Sport Malta hija r-regolatur u anke toffri skemi ta’ assistenzi varji lill-għaqdiet u klabbs tal-isport. L- entità toffri wkoll servizzi bi programmi ta’ attività fiżika u sport fil-komunità. Fil-fatt, mit-13 ta’ Lulju ’l quddiem, il-faċilitajiet se jkunu qegħdin jilqgħu eluf ta’ parteċipanti b’rabta mal-programm Summer on the Move. 

Mill-2014 ’l hawn Sport Malta wettqet numru bla preċedent ta’ proġetti sportivi u kabbret in-numru ta’ faċilitajiet taghħa. Illum il-ġurnata nsibu fost l-ikbar faċilitajiet f’pajjiżna: il-Kumplessi Sportiv fil-Kottonera, Marsa, Ħamrun u Kirkop, il-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq kif ukoll ix-Shooting Range f’Ta’ Kandja. 

Sport Malta tinsab involuta wkoll fl-organizzazzjoni ta’ żewġ avvenimenti maġġuri: il-Logħob tal- Ispecial Olympics 2022 u l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej 2023 bit-tnejn li huma se jsiru f’pajjiżna fis-snin rispettivi. 

Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti direttament f’infrastruttura moderna tal-ogħla livell bl-għan li Malta tkun fost l-aqwa pajjiż Ewropej li toffri kull faċilità u opportunità lil dawk interessati fl-isport sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom, mhux biss f’pajjiżna, iżda anki barra minn xtutna. 

Eżempju ċar ta’ dan huwa l-investiment ta’ €9 miljun li tħabbar ftit tal-jiem ilu għal proġett fiċ-ċentru sportiv tal-Marsa. Dan se jkopri fih tliet proġetti seperati u tliet faċilitajiet li se jkunu lesti sal-2023 bl-iskop li jħejju għal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar. Apparti dan qed jitkomplew il-proġetti f’Ta’ Qali u f’Pembroke biex fi ftit żmien, Malta jkollha ħames faċilitajiet sportivi tal-aqwa livell. 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Sport Malta, saħaq li x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema huwa indispensabbli biex ikollna soċjetà aktar b’saħħitha. Qal li l-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema tkompli tmexxi ’l quddiem il-viżjoni tal-Gvern għall-qasam sportiv, dik li jkompli jkabbar l-isport f’pajjiżna. 

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal li jinsab grat tax-xogħol iebes li l- impjegati ta’ Sport Malta wettqu matul dawn is-snin. Huwa ta ħajr ukoll lill-Gvern talli fl-aħħar snin żied il-baġit dedikat lill-isport u jinsab ħerqan biex, flimkien mat-tim tiegħu, jintlaħqu l-miri li hemm ippjanati għas-snin li ġejjin. 

Ekonomija

Sport