Thursday, May 8, 2025

Il-Prim Ministru jżur il-kumpless tal-Containers u Groupage f’Ħal Far

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpless tal-Containers u Groupage f’Ħal Far, fejn iltaqa’ ma’ diversi sidien u ħaddiema ta’ kumpaniji loġistiċi flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tal-Groupage. Dan il-kumpless f’Ħal Far joffri spazju ċentralizzat għal kunsinji li jaslu f’Malta f’ammonti żgħar minn diversi pajjiżi. B’dan il-mod il-kunsinji jiġu miġbura u distribwiti b’mod aktar effiċjenti. Dan is-servizz jgħin lin-negozji żgħar u medji li ma jagħmlux użu minn kontejner sħiħ billi joffri soluzzjonijiet aktar affordabbli.

Fl-istess waqt permezz ta’ dan is-servizz jiġi evitat li fit-toroq ta’ pajjiżna jkun hemm inqas kontejners li qed jiġu trasportati. B’riżultat ta’ dan jitnaqqas it-traffiku hekk kif inqas vetturi li jġorru l-kontejners ikunu fit-toroq. Barra minn hekk, dan il-kumpless għandu l-irwol biex jiffaċilita u jgħaġġel il-proċess tad-Dwana u b’hekk isaħħaħ il-kompetittività tan-negozji Maltin fis-swieq globali.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-Gvern jirrikonoxxi l-irwol kruċjali li għanda din il-faċilità fil-katina tal-loġistika u fl-iżvilupp tal-kummerċ f’Malta. “Dan il-kumpless jirrifletti l-ambizzjoni tagħna bħala Gvern li nagħtu aktar saħħa lill-operaturi Maltin sabiex ikunu parti integrali minn suq globali. Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li naraw aktar koordinazzjoni bejn il-Gvern u l-industrija privata biex nindirizzaw sfidi u nħarsu lejn opportunitajiet ġodda, partikolarment fil-qasam tal-loġistika u l-esportazzjoni,” qal il-Prim Ministru hu u jsemmi kif pajjiżna huwa vuċi importanti f’diversi fora favur in-negozji żgħar u medji meqjusa bħala s-sinsla tal-ekonomija pajjiżna u allura parti mis-suċċess li Malta kompliet tikseb.

Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ mal-ħaddiema tad-Dwana ġewwa l-uffiċini tagħhom. Huwa kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport