Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żaru x-xogħlijiet li għaddejjin ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol f’Ta’ Qali. Dan iċ-Ċentru huwa proġett ta’ importanza f’dik li hija l-infrastruttura sportiva u parti essenzjali mill-istrateġija tal-Malta Football Association (MFA).
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat minn delegazzjoni mill-MFA mmexxija mill-President Bjorn Vassallo, li flimkien mal-periti responsabbli minn dan il-proġett taw spjegazzjoni dettaljata tal-istadju preżenti kif ukoll il-pjanijiet għall-futur.
Dan iċ-ċentru għandu l-għan li jkun il-qalba tal-futbol Malti mill-iżgħar livell sa dak l-aktar professjonali, u se jospita faċilitajiet bħal laboratorji tax-xjenza sportiva, ċentru mediku u ta’ fiżjoterapija, gym, swali għal-laqgħat, uffiċċji tekniċi, u stadium tal-Kategorija 1 b’faċilitajiet sostenibbli u f’konformità mal-aqwa standards Ewropej. Il-proġett qed jiġi ffinanzjat b’għajnuna mill-Malta Development Bank, u bil-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali huwa garanti.
Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru kellhu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ mal-players tat-Tim Nazzjonali tan-Nisa waqt it-taħriġ tagħhom fit-training grounds ta’ Ta’ Qali. It-tim nazzjonali tan-nisa bħalissa jinsab fi stadju storiku tal-vjaġġ tiegħu hekk kif fit-30 ta’ Mejju, it-tim se jkun qed jaffaċċja lil Ċipru u b’rebħa jista’ jikseb il-promozzjoni għall-Group B tan-Nations League għat-tieni darba. Dan ikun pass ieħor ’il quddiem għall-isport Malti u għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport.
Il-Prim Ministru faħħar l-impenn tat-tfajliet u qal li l-ħidma tagħhom hija ispirazzjoni għal ħafna. “Din mhux biss kisba sportiva, imma suċċess nazzjonali li juri l-viżjoni tagħna li nkomplu ninvestu f’faċilitajiet u opportunitajiet għal kulħadd,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.