Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpanija Gozo Graphics, kumpanija bbażata f’Għawdex li tispeċjalizza fl-istampar diġitali ta’ format kbir, fil-manifattura tas-sinjali, u fil-provvista ta’ prodotti u soluzzjonijiet marbuta ma’ applikazzjonijiet arkitettoniċi. Il-kumpanija toffri wkoll servizzi ta’ 3D printing, machining u skennjar.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru Abela ltaqa’ mal-impjegati tal-kumpanija u mat-tim li jmexxi Area 51, faċilità industrijali mfassla mill-istess kumpanija bil-għan li tgħin biex start-ups Maltin ikollhom opportunitajiet daqs l-Ewropej li jaħdmu f’setturi tal-hardware. Din il-faċilità tinkludi infrastruttura teknoloġika mfassla għall-manifattura ta’ preċiżjoni u l-prototipar fuq skala kbira, fosthom stampar addittiv monolithic, kif ukoll tagħmir ta’ magni CNC u sistemi ta’ laser industrijali għal xogħol f’metalli, fost oħrajn. Permezz ta’ Area 51, il-kumpanija tipprovdi wkoll l-infrastruttura meħtieġa għall-iżvilupp ta’ proprjetà intellettwali (IP) b’mod sigur u protett.
Barra minn hekk il-kumpanija Gozo Graphics nediet ukoll fond privat immirat lejn proġetti innovattivi, b’allokazzjoni ta’ €100,000. Permezz ta’ dan il-fond, il-kumpanija se tipprovdi għajnuna diretta lis-settur privat u, b’hekk, tkompli ssaħħaħ l-ekosistema ta’ start-ups innovattivi, filwaqt li tħejji t-triq sabiex dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jimxu lil hinn mill-prototipi għal produzzjoni reali.
Il-Prim Ministru saħaq li proġetti privati bħal dan jikkontribwixxu direttament għal ekonomija aktar diversifikata u b’valur miżjud, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u l-professjonisti f’Għawdex. Hawn semma l-importanza tal-karrieri ta’ kwalità li qed ikomplu jinħolqu f’pajjiżna. Huwa nnota wkoll kif inizjattivi li jsaħħu l-kapaċitajiet industrijali jistgħu jgħinu biex pajjiżna jattira investiment ta’ kwalità u jibqa’ destinazzjoni attraenti biex iżomm it-talent lokali.
Il-Prim Ministru żied jgħid li, permezz ta’ diversi entitajiet pubbliċi, fosthom il-Malta Enterprise, il-Gvern qed joffri sostenn biex kumpaniji bħal dawn ikomplu jimxu ’l quddiem u jkomplu jinvestu f’tagħmir innovattiv u f’oqsma oħra.
Dr Abela esprima wkoll sodisfazzjon għall-fatt li s-settur privat qed ikompli jadotta u jallinja ruħu aktar mal-industriji ta’ għada. Huwa semma kif il-Viżjoni Malta 2050, li se titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin, se tkompli tipprijoritizza setturi li jħallu valur miżjud fl-ekonomija tagħna, filwaqt li ssostni wkoll dawk is-setturi li huma ta’ prijorità għal pajjiżna.

