Saturday, November 23, 2024

Il-Prim Ministru jżur lill-ħaddiema tal-Malta Enterprise – Aktar minn €50 miljun f’għajnuna lill-ħaddiema fix-xahar

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri, irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Malta Enterprise li kellhom rwol importanti biex ifasslu skemi li permezz tagħhom ġew salvati aktar minn 90,000 impjieg ta’ ħaddiema u self-employed.

Matul iż-żjara, ġie spjegat kif il-ħaddiema kollha kienu lesti u ppreparati biex jaddattaw għal dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji u biex jippoċessaw eluf ta’ applikazzjonijiet li ġew sottomessi lill-Malta Enterprise.

Minkejjja l-imxija tal-Covid-19, it-tmexxija tal-Malta Enterprise baqgħet iffukata fuq l-għan ewlieni tagħha: dak li tkompli tattira iżjed investiment barrani lejn pajjiżna b’benefiċċju għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma li saret f’qasir żmien minn Malta Enterprise biex setgħet kienet ta’ appoġġ f’waqtu lil eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin. Huwa assigura li l-Gvern se jkompli jkun ta’ appoġġ għall-ħaddiema u l-intrapriżi ta’ pajjiżna biex f’qasir żmien jerġa’ jkollhom sehem ewlieni fit-tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri rringrazzja lill-ħaddiema kollha fi ħdan il-Malta Enterprise li qegħdin kontinwament jassistu lin-negozji f’dan il-mument ta’ sfida. Qal li f’dawn l-aħħar xahrejn il-ħaddiema wieġbu madwar 60,000 talba ta’ għajnuna kemm permezz ta’ telefonati kif ukoll emails.

“F’mument ta’ sfida, il-Malta Enterprise u l-ħaddiema fi ħdanha kienu l-punt ta’ kuntatt ewlieni biex jiggwidaw lin-negozji. Addattaw u raw li jaqdu lill-klijenti bl-aħjar mod sabiex ikunu ssalvagwardjati l-impjiegi u flimkien wasalna għal riżultati pożittivi”, qal il-Ministru Schembri.

Sport