Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, dalgħodu żar il-bażi tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, f’Xatt it-Tiben.
Mal-wasla tiegħu fil-bażi, il-Prim Ministru sellem u rringrazzja lill-uffiċjali kollha preżenti tax-xogħol tagħhom. Huwa fakkar li dawn l-individwi qegħdin jissograw ħajjithom kull darba li joħorġu fuq il-baħar lil hinn minn xtutna u bejn sema u ilma.
F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, il-Prim Ministru qal li jinsab rikonoxxenti ħafna tax-xogħol sensittiv li twettaq l-Armata lejl u nhar. Żied jgħid li bħalma l-Armata hija t-tarka tal-poplu, daqstant ieħor is-suldati tal-Armata se jsibu lill-poplu bħala t-tarka tagħhom.
Wara l-indirizz, il-Brigadier Jeffrey Curmi dawwar lill-Prim Ministru f’diversi żoni differenti tal-bażi marittima fejn għal darb’oħra sellem lill-uffiċjali fl-Armata għax-xogħol rispettiv tagħhom.
Il-Prim Ministru flimkien, mal-Ministru Camilleri, telgħu abbord għadd ta’ opri tal-baħar li fost oħrajn jintużaw mis-suldati għal operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tal-Forzi Armati ta’ Malta u tkellem dwar is-sagrifiċċji li jagħmlu biex jipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi. “Bħala Gvern, aħna kommessi li nipprovdu r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex tkunu tistgħu tibqgħu taqdu dmirijietkom b’mod effettiv,” saħaq il-Ministru Camilleri.
Preżenti mal-Iskwadra Marittima kien hemm ukoll uffiċjali mill-airwing u membri tal-ewwel reġiment.