Saturday, November 22, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela bi żjara għand il-Bajada Lyons Group

Aqra wkoll

L-użu prattiku tat-teknoloġija ġdida fil-ħajja ta’ kuljum għandha tgħin sabiex il-poplu Malti ma jibżax minn din l-innovazzjoni, anzi jagħmilha tiegħu. Hawnhekk fejn l-irwol tal-intrapriżi lokali u l-innovazzjoni tagħhom tista’ tkun ċavetta importanti. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara għand il-Bajada Lyons Group li matulha ltaqa’ mal-ħaddiema tal-kumpaniji varji fi ħdan il-Grupp, inkluż inġiniera u esperti tat-teknoloġija, li esibew it-teknoloġiji ġodda li qegħdin jiżviluppaw.

Din iż-żjara saret fl-isfond tat-tħabbira fil-Budget 2026 fuq il-kunċett ‘AI għal kullħadd’ li qed jara €100 miljun investiti sabiex pajjiżna, il-kumpaniji lokali u l-poplu inġenerali jkun lest għal avvanzi mgħaġġla f’dan il-qasam. Dan fl-istess waqt li fil-‘Kabinett man-Nies’ il-Ħamis ġiet imnedija l-istrateġija nazzjonali aġġornata tal-AI li se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika.

Tul iż-żjara Dr Abela qal li l-għodda teknoloġika għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. “Int min int, taqla’ kemm taqla’ u għandek kemm għandek żmien, għandek tgawdi mit-teknoloġija bħall-AI, li ma hijiex biss niċċa ekonomika importanti li għandu pajjiżna iżda għodda għal kull qasam tal-ħajja,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Bajada Lyons Group li jaħdem miż-żona industrijali ta’ Bulebel għandu 35 sena ta’ esperjenza fil-qasam tal-fotovoltajiċi u jħaddem iktar minn 200 ruħ. Fis-snin li għaddew kompla jespandi l-operat tiegħu kemm b’servizzi ġodda b’rabta mal-enerġija kif wkoll fl-oqsma tal-ospitalità u l-kura tal-anzjani. Madanakollu fl-iktar żviluppi riċenti l-Grupp qiegħed jiffoka mhux biss fuq iktar diġitalizzazzjoni iżda saħansitra investa fi start-ups innovattivi u qiegħed joffri servizz ta’ inkubazzjoni. Dan jfisser li Bajada Lyons qiegħed jilqa’ lill-istart-ups fit-tim  tiegħu u jgħinhom jiżviluppaw il-prodotti tagħhom.

Fost id-diversi teknoloġiji fi ħdan il-Grupp li ntwerew lill-Prim Ministru kien hemm innovazzjonijiet li jitwaħħlu ma’ robot, id robotika u kelb robotiku. Dawn qed jiġu żviluppati u integrati mill-kumpanija Kingswell Innovation. Bihom qed joħolqu funzjonijiet ġodda li fihom il-bniedem jkun fil-kontroll iżda jevita sitwazzjinijiet perikolużi jew anke jieħu lura ħiliet permezz ta’ prostetiċi. Ma’ kumpanija oħra, Digital Brian, il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta użi varji tal-AI kemm fil-monitoraġġ ta’ pazjenti fis-swali, kontrolli tat-tagħmir tas-saħħa u sigurtà fuq post tax-xogħol, chatbots u sistemi għal trasport iktar effiċjenti.

Il-fundatur ta’ Bajada Lyons Group, Mark Bajada, tkellem mal-Prim Ministru dwar kif dejjem ra li f’deċennji differenti jiżviluppa dak li jagħmel il-Grupp quddiem sfidi ġodda: “Qed inrawmu ekosistema li tgħaqqad l-operat tan-negozju tradizzjonali ma’ teknoloġiji trasformattivi kemm għall-klijenti tagħna u għal pajjiżna b’mod aktar wiesa’. Nemmnu li Malta tista’ tkun kompetitur ewlieni għal soluzzjonijiet ta’ awtomatizzazzjoni intelliġenti u ta’ intrapriżi xprunati mill-AI.”

Il-Prim Ministru  kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Membru Parlamentari tal-Gvern Cressida Galea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport