Fl-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ sieħeb soċjali bi tħejjija għall-Budget 2026, il-Prim Ministru Robert Abela rriaferma l-impenn politiku tal-Gvern li jkompli jinċentiva u jgħin lin-negozji, fosthom żgħar u medji, li huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Fil-Berġa ta’ Kastilja f’laqgħa mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru qal li l-Gvern impenjat li jwettaq wegħda elettorali dwar it-tnaqqis fit-taxxa tal-kumpaniji matul din il-leġislatura. Qal li għal sena oħra l-Gvern se jżomm l-għajnuna kbira fil-qasam tal-enerġija, jiġifieri s-sussidji fil-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-fuels li taw nifs lill-familji u n-negozji fi żmien ta’ sfidi internazzjonali.
Il-Prim Ministru spjega li għal darb’oħra, il-Gvern se jressaq Budget ieħor b’saħħtu li jkompli jixpruna tkabbir ekonomiku sostenibbli. Dan permezz ta’ miżuri strateġiċi li jappoġġjaw b’mod ħolistiku lin-negozji, li jgħinu biex tkompli tiġi kkultivata ekosistema ta’ negozji aktar attraenti u li jħeġġu investiment dejjem aktar sostenibbli u innovattiv.
Waqt din il-laqgħa ġew diskussi l-proposti ppreżentati mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, ilkoll imsejsa fuq ħames pilastri li jinkludu t-taxxi u l-finanzi, il-governanza, il-qalba diġitali u ambjentali, l-enerġija u t-trasport. Filwaqt li rringrazzja lill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji għall-proposti tagħhom, il-Prim Ministru wera sodisfazzjon li ħafna minn dawn il-proposti huma konformi mal-Viżjoni Malta 2050. Huwa żied jgħid li fuq bosta proposti li ġew ippreżentati diġà hemm inizjattivi li l-Gvern qed iħares li jkompli jsaħħaħ u jmexxi ’l quddiem.
Dr Abela qal, “Bħala Gvern qed nibqgħu nħarsu lejn ħolqien ta’ karrieri aktar milli sempliċiment impjiegi. It-tragward tal-ħolqien tax-xogħol issa ilna li lħaqnieh u biex insostnuh irridu issa aktar karrieri ta’ kwalità li jgħinu wkoll lil min joħloq ix-xogħol f’dan il-pajjiż.” Huwa żied jgħid li l-Gvern qed iħares li jkompli jtejjeb l-iskemi offruti minn diversi entitajiet pubbliċi biex jiġu attirati aktar ħaddiema ta’ kwalità u aktar start-ups. Dan filwaqt li jkompli jgħin biex jissaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema.
F’kuntest li għall-Gvern, in-negozji żgħar u medji huma wkoll mutur ewlieni fit-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna, il-Prim Ministru assigura li l-Gvern se jkompli jkun vuċi soda favur kompetittività ekwa kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell internazzjonali. Filwaqt li se jkompli jkun ta’ sostenn biex negozji żgħar u medji jkomplu jkunu megħjuna sabiex fost l-oħrajn, jimplimentaw qalbiet diġitali u ambjentali, anke permezz tal-użu ta’ fondi Ewropej.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti ukoll il-Ministri Silvio Schembri, Clint Camilleri, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana, id-Deputat Cressida Galea u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.