Friday, February 27, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela b’numru ta’ żjarat f’Għawdex fejn ra inizjattivi ta’ ġid għall-komunità

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela għamel numru ta’ żjarat f’Għawdex li jmissu ma’ diversi oqsma u setturi, fosthom l-edukazzjoni u l-ħiliet, servizzi ta’ emerġenza, il-kultura u l-arti pubblika, kif ukoll l-intrapriża.

Waqt żjara uffiċjali fil-kampus tal-MCAST f’Għawdex, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-amministrazzjoni u tkellem ma’ diversi studenti li qed isegwu l-istudji post-sekondarji tagħhom hemmhekk. Bosta studenti urew l-apprezzament tagħhom għaż-żieda fl-istipendji u sostnew li din kienet t’għajnuna kbira għalihom. Dan filwaqt li enfasizzaw fuq l-importanza li l-intelligenza artifiċjali (AI) tintuża bħala għodda bżonjuża fl-istudji tagħhom. Fl-istess waqt huma tennew l-apprezzament tagħhom għall-miżura tal-Budget li se twassal biex jingħata taħriġ u sottoskrizzjoni b’xejn għall-użu tal-AI.

L-MCAST f’Għawdex bħalissa jilqa’ 218 student full-time u 42 student part-time. Din l-istituzzjoni edukattiva toffri aktar minn 20 kors full-time f’bosta oqsma vokazzjonali, fosthom l-informatika, in-negozju u l-kummerċ, l-inġinerija, il-kura soċjali, ix-xjenzi tas-saħħa u korsijiet ta’ parrukkiera. Il-korsijiet jiġu offruti f’livelli differenti tal-qafas nazzjonali tal-kwalifiki, mit-tieni livell sas-sitt livell, jiġifieri sal-livell tal-baċellerat. Il-Prim Ministru sostna li l-edukazzjoni vokazzjonali tibqa’ għall-Gvern pilastru kruċjali biex iż-żgħażagħ u l-adulti jiksbu ħiliet li jwasslu għal impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet konkreti.

Il-Prim Ministru Abela żar ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex. Hawnhekk, Dr Abela ltaqa’ mal-ħaddiema u l-voluntiera fi ħdan id-Dipartiment u rringrazzjahom għall-ħidma essenzjali tagħhom. Il-Protezzjoni Ċivili għandha rwol ċentrali fil-ġestjoni tar-riskji u fil-protezzjoni tal-pubbliku. Permezz ta’ prevenzjoni, tħejjija u interventi meħtieġa, toffri servizzi ta’ kwalità ekwivalenti għal dawk f’Malta.

F’Għawdex, il-Protezzjoni Ċivili taħdem mill-qrib mal-Gvern Lokali u mal-komunità biex tinforma lir-residenti dwar is-sigurtà, u torganizza taħriġ u simulazzjonijiet sabiex tiġi żgurata ħidma effettiva u koordinata f’każ ta’ emerġenzi.

Il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-infrastruttura meħtieġa sabiex dan is-servizz essenzjali jkun jista’ jibda jippjana ukoll għall-ħtiġijiet t’għada, fosthom anke permezz tal-bini ta’ fire station ġdida.  F’dawn l-aħħar sentejn, il-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex investiet f’żewġ vetturi żgħar għall-wildfires, kif ukoll f’vettura oħra minn fost dawk li tħabbru riċentement. Il-Prim Ministru sostna li dan il-mudell ta’ servizz f’Għawdex huwa eżempju ta’ kif il-Gvern irid ikompli jsaħħaħ servizzi essenzjali b’mod ekwu fuq iż-żewġ gżejjer.

Dr Abela kellu wkoll l-opportunità jiltaqa’ ma’ erba’ artisti Għawdxin li fasslu erba’ monumenti ġodda bħala parti mill-Iskema għall-Arti Pubblika. Il-Prim Ministru  kellu l-opportunità jara l-erba’ xogħlijiet artistiċi li se jiġu installati matul ix-xhur li ġejjin maħduma mill-Artist Christopher Saliba,  Austin Camilleri, Vince Caruana u Mario Agius.

Il-Prim Ministru temm il-ġurnata f’Għawdex bi żjara f’Tal-Massar Winery fl-Għarb – intrapriża tal-familja li tħaddan storja u tradizzjoni twila fil-qasam tal-produzzjoni tal-inbid f’Għawdex. Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija ta’ dil-kumpanija, fejn ġie spjegat kif illum hija t-tielet ġenerazzjoni tal-familja li qed tiġġestixxi din l-intrapriża.

Il-Prim Ministru faħħar din il-ħidma li, b’għaqal u b’viżjoni, qed tgħaqqad flimkien l-agrikoltura, il-kwalità, il-prodott lokali u l-element turistiku. Tal-Massar Winery tipproduċi firxa varjetajiet ta’ inbejjed differenti u qed tkompli tikkontribwixxi għaż-żamma tal-identità agrikola u kulturali ta’ Għawdex.

Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru rrefera għall-ħidma tal-Gvern li tħares biex tkompli ssaħħaħ il-potenzjal ta’ Għawdex b’azzjonijiet konkreti li jġibu valur miżjud u opportunitajiet ġodda għall-komunità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport