Fil-gżira ta’ villaġġi li rridu nagħmlu minn Għawdex, iż-żgħażagħ għandhom irwol ċentrali. Irridu li jkunu huma li jaħsdu l-opportunitajiet dejjem jiżdiedu li qiegħda toffri din il-gżira, għalhekk se nkomplu ninvestu fikom, fl-edukazzjoni tagħkom. Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel fis-sixth form ta’ Għawdex Sir M.A. Refalo.
Istituzzjoni edukattiva li filwaqt li qiegħda tipprepara lil madwar 400 student biex ikomplu bl-edukazzjoni terzjarja tagħhom f’ambjent li ġie rinovat fl-aħħar snin, permezz ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim informali, qiegħda wkoll issaħħaħ il-ħiliet tagħhom u tippreparahom għall-futur. Fil-fatt, it-taħriġ li qed toffri jinkludi fost oħrajn ħiliet marbuta mal-intraprenditorija, public speaking u interviewing skills.
F’diskussjoni li kellu ma’ uħud mill-istudenti, il-Prim Ministru rrimarka li ma nistgħux nitkellmu dwar l-implimentazzjoni tal-viżjoni għal Għawdex jekk ma ninkludux iż-żgħażagħ, li għandhom irwol f’Għawdex tal-lum biex jippreparaw Għawdex ta’ għada. Ħeġġiġhom ikomplu jersqu ’l quddiem b’aktar ideat ta’ x’Għawdex iridu u biex ikomplu jisfidaw l-istatus quo u jkunu huma li jfasslu l-politika għal Għawdex.
Il-Prim Ministru spjega li l-impenn tal-Gvern għal Għawdex jmur lil hinn mill-kliem, ir-riżultati jitkellmu waħedhom, fosthom dak li f’għaxar snin irduppjajna n-numru ta’ ħaddiema mal-privat f’Għawdex stess. Għalhekk, huwa obbligu li nassiguraw li jirċievu l-aqwa edukazzjoni, u nassiguraw sistema edukattiva li tkun fost l-aqwa. Bil-miżuri u d-deċiżjonijiet li qegħdin nieħdu, fosthom dik li ratna nżidu l-istipendju għal dawk l-aktar setturi bżonnjużi, jirriflettu dan.
Fil-fatt, ir-Reġjun ta’ Għawdex jimmarka l-ogħla rata ta’ persuni gradwati, kważi d-doppju tal-medja nazzjonali. Għalhekk, din l-enfasi fuq l-edukazzjoni tispjega għalfejn żdiedu l-karrieri ta’ kwalità f’Għawdex fl-aħħar snin. Bl-ammont ta’ dawk li jaħdmu fis-servizzi professjonali, illum huwa ħames darbiet aktar minn dak li kien għaxar snin ilu. Konferma li edukazzjoni aqwa twassal għal karrieri aħjar għall-Għawdxin.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, mill-Prinċipal Sean Zammit, u l-Kap tal-Iskola Franklyn Zammit Galea.