Sunday, September 21, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela fi New York għat-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Aqra wkoll

 Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi New York għat-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Aktar minn 190 Mexxej fosthom Kapijiet ta’ Stat jew Gvern se jkunu qed jipparteċipaw u jingħaqdu f’diskussjonijiet fuq temi differenti.

Fi New York, f’isem Malta u flimkien ma’ pajjiżi oħra, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jirrikonoxxi formalment l-Istat tal-Palestina. Dan bħala parti minn impenn politiku li kien ta l-Prim Ministru Robert Abela u l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur is-soluzzjoni taż-żewġ Stati.

Pożizzjoni li titkellem ukoll dwar djalogu u l-ħtieġa tal-paċi fil-Lvant Nofsani filwaqt li Malta tibqa’ tikkundanna l-attakki tas-7 ta’ Ottubru 2023 mill-grupp terroristiku Ħamas, li ma għandux irwol fl-Istat tal-Palestina. Pajjiżna jibqa’ jappella għall-ħelsien bla kundizzjoni tal-ostaġġi li fadal miżmuma mill-Ħamas filwaqt li jitlob għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti f’Gaża.

Intant il-Prim Ministru Robert Abela għandu diversi laqgħat oħra fuq temi differenti u oħrajn bilaterali qabel ma jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tema tat-80 sessjoni fi kliem is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, hija ‘Magħqudin flimkien aħjar: 80 sena u iktar għall-paċi, id-drittijiet u l-iżvilupp tal-bniedem’.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport